Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed jistieden għal darb’oħra lil poeti stabbiliti u oħrajn ġodda biex jipparteċipaw fir-raba’ edizzjoni tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef. Il-konkors kien tnieda l-ewwel darba fl-2019 bil-għan li jissaħħaħ il-livell tal-kitba poetika f’Malta u biex jiċċelebra l-poeżija miktuba bil-Malti.

Il-konkors ikun aġġudikat minn grupp ġdid ta’ aġġudikanti li jinħatar kull sena mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Il-ġurija tevalwa kull poeżija, b’mod anonimu, skont damma ta’ kriterji li jħarsu lejn l-awtentiċità, l-immaġinazzjoni, id-distintività fil-vuċi, u l-użu oriġinali tar-ritmu u l-figuri tat-taħdit.

Ikunu ppremjati l-ewwel tliet postijiet; l-awturi tal-poeżija rebbieħa jirċievu premju ta’ €1,000, u l-awturi taż-żewġ poeżiji ta’ warajha jirċievu premju ta’ €200 u €100 rispettivament. Ir-rebbieħa tal-konkors jitħabbru f’ċerimonja apposta li tiġi ċċelebrata waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2022 li dis-sena se jsir bejn it-23 u s-27 ta’ Novembru fiċ-Ċentru Malti għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) Ta’ Qali.

Ladarba dan huwa konkors ta’ poeżija waħda, kull parteċipant irid jissottometti poeżija oriġinali waħda biss, u din ma tridx tkun ippubblikata qabel xi mkien ieħor. Ix-xogħol irid ikun bil-Malti u ma jaqbiżx is-36 vers. Kull applikant mitlub jaqra bir-reqqa r-regolamenti tal-Konkors li jinsabu ppubblikati fuq is-sit tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

L-applikazzjoni mimlija b’mod sħiħ għandha tinbagħat bil-posta flimkien ma’ erba’ kopji tal-poeżija sottomessa, li trid tkun iffirmata biss bi psewdonimu. L-applikazzjoni u l-kopji tal-poeżija jridu jintbagħtu bil-posta f’dan l-indirizz: Il-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef 2022, Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Kumpless Bice Mizzi Vassallo, Triq Arnhem, Pembroke PBK 1776 sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa 19 t’Awwissu 2022 f’nofsinhar. L-applikanti għandhom jibagħtu wkoll kopja ffirmata u skennjata tal-applikazzjoni b’imejl fuq [email protected].


Share Article