Temmen li għandek dak li hu meħtieġ biex taħdem f’wieħed mill-aktar dipartimenti tal-Gvern b’reputazzjoni għolja? L-industrija tal-pubblikazzjoni kibret fl-aħħar snin u magħha kiber u sar aktar professjonali t-tim tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK). Għalhekk bħalissa qed infittxu biex insaħħuh.

Bil-ħidma tiegħek fil-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se tkun qed tikkontribwixxi biex l-industrija lokali tal-kotba tkompli tikber u b’hekk tkun tista’ tmantni l-imsieħba kollha li jiffurmawha. L-istaff tal-KNK jimpjega ħilietu biex jinstabu soluzzjonijiet innovattivi u dejjiema ħalli s-sapport lill-awturi, il-pubblikaturi, l-illustraturi, it-tradutturi u l-edituri ma jonqosx. Għandna tim kapaċi li jikber billi nitgħallmu minn xulxin, minkejja li kulħadd hawnhekk beda bi rwoli żgħar.

Qegħdin noffru karriera, mhux impjieg biss. Dak il-kandidat jew dik il-kandidata li jkollu l-aktar ħeġġa biex jikber professjonalment jintgħażel. Inwiegħdu ambjent ta’ ħidma inklussiv u opportunitajiet indaqs għal kulħadd.

Qegħdin infittxu kandidat jew kandidata li hija kommessa u għandha passjoni għal dax-xogħol, li tikber f’ambjent multikulturali, u li mħajra ġġib magħha ideat innovattivi, ħiliet u soluzzjonijiet. L-Assistant Manager se jkun qed jgħin fil-preparazzjoni, l-organizzazzjoni u l-immaniġġjar tal-avvenimenti u l-proġetti tal-KNK, jissettja l-kampanji tal-marketing, jikkomunika mal-imsieħba u joffri daqqa t’id fix-xogħol ta’ kuljum fl-uffiċċju.

L-impjieg qed jiġi offrut fuq bażi part-time ta’ 20 siegħa ħidma fil-ġimgħa.

X’inhu meħtieġ:

  • Edukazzjoni f’livell universitarju
  • Għarfien tajjeb tal-Microsoft Office u l-mezzi soċjali
  • Ħakma tajba tal-Malti u l-Ingliż
  • Esperjenza fl-industrija tal-kotba
  • Liċenzja tas-sewqan

Sfortunatament, minħabba n-numru ta’ applikazzjonijiet li nirċievu s-soltu meta noħorġu sejħa, mhux se nikkunsidraw kandidati li m’għandhom ebda rabta mal-industrija tal-kotba, jew li ma jkunu ħadmu qatt fil-pubblikazzjoni, jew li ma jkollhomx għarfien bażiku tal-kotba, il-letteratura ġenerali jew il-letteratura Maltija.

Biex tapplika u tkun taf ukoll il-kundizzjonijiet tas-salarju ibgħat is-CV tiegħek u l-ittra dwarek lil Joe Debattista fuq [email protected] sa mhux aktar tard mit-8 ta’ Jannar 2021. L-intervisti jibdew it-Tnejn 18 ta’ Jannar.


Share Article