Skip to content

Dak kollu li għandek tkun taf dwar il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2025

Image of Dak kollu li għandek tkun taf dwar il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2025

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb jinsab issa fis-46 edizzjoni tiegħu, li dis-sena se ssir bejn il-5 u d-9 ta’ Novembru fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC), Ta’ Qali. Il-Festival jorganizzah il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), jattira nies minn kull vija tal-ħajja, u huwa l-akbar ċelebrazzjoni fil-Gżejjer Maltin f’dak li għandu x’jaqsam mal-qari u l-kotba.

Id-dħul b’xejn, u tista’ ġġib il-pets tiegħek miegħek.

B’aktar minn 40 esebitur u aktar minn 100 attività li jsawru programm ta’ attivitajiet rikk u varjat, il-Festival jaf iqabbdek ftit affann. Madankollu f’dan li ġej se ngħinuk tassorbi dik l-informazzjoni neċessarja… u nibdlulek din l-emozzjoni f’waħda ta’ eċitament qabel ma narawk fi ftit ġimgħat oħra taħt it-tinda!

It-tema u l-attivitajiet ewlenin

It-tema ta’ dis-sena, Nikteb mill-Ġdid, tiċċelebra l-qawwa trasformattiva tal-kotba u l-qari – sija jekk bi xbihat poetiċi u sija jekk bil-movimenti narrattivi ta’ storja, inkella bl-għerf akkwistat mill-kotba mhux fittizji. L-esebituri tagħna se jkunu turija ta’ dan, b’varjetà ta’ pubblikaturi, bejjiegħa tal-kotba, NGOs, u organizzazzjonijiet kulturali tul ħamest ijiem ta’ attivitajiet għal kull età. 

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ma jkunx komplut mingħajr il-mistednin internazzjonali. Dis-sena l-KNK bi pjaċir se jilqa’ lir-rumanziera apprezzata ferm mir-Renju Unit Samantha Harvey, li se tkun qed titkellem dwar il-ktieb tagħha Orbital li bih rebħet il-Premju Booker, f’intervista li se ssirilha minn Loranne Vella l-Ġimgħa, 7 ta’ Novembru, fis-19:00.

Stennija kbira wkoll għar-rumanzier eklettiku Amerikan Jeff VanderMeer, li se jmexxi masterclass dwar il-finzjoni immaġinattiva l-Ħamis, 6 ta’ Novembru, fis-19:00, kif ukoll se jkun intervistat is-Sibt, 8 ta’ Novembru. L-editriċi rebbieħa ta’ diversi premji Ann VanderMeer se tippreżenta sessjoni dwar kif taħdem ma’ edituri b’mod professjonali, imbagħad l-aġent letterarju mir-Renju Unit Simon Trewin se jaqsam mal-udjenza xi pariri tas-sengħa sabiex dak li jkun jimmassimizza ċ-ċansijiet tiegħu meta jidher f’xi katalgu bħalma hu l-Katalgu tad-Drittijiet ta’ Barra tal-KNK.

Il-viżitaturi għandhom jistennewhom għadd ta’ tnedijiet ta’ kotba ewlenin bil-Malti u bl-Ingliż, fosthom Es Sidr ta’ Omar N’Shea (Aphroconfuso) jew il-ktieb ta’ tifkiriet ta’ Romeo Roxman Gatt Qarn, kif ukoll qari live ta’ poeżija, diskussjonijiet madwar mejda, u ffirmar ta’ kotba minn bosta awturi kontemporanji Maltin. L-Illustration Annual 2025 tal-Malta Community of Illustrators (MCOI) se jitnieda bis-saħħa ta’ diskussjoni mmexxija minn APIV (Valencia) li se tħares lejn l-irwol tat-tixrik biex jissaħħu l-komunitajiet kreattivi.

Għat-tfal u l-iskejjel

Dis-sena saħħaħna l-ambizzjoni tagħna li nrawmu l-qari fit-tfal sa minn età ċkejkna, billi qed noffru €20 vawċer lil kull student tal-primarja u s-sekondarja. Aktar dettalji kif tapplika għall-vawċer minn hawnhekk.

Bħalma jiġri kull sena, filgħodijiet fost il-ġimgħa jkunu ddedikati għat-tfal u ż-żgħażagħ, b’sessjonijiet ta’ rakkuntar ta’ stejjer, workshops tal-illustrazzjoni, u xows teatrali mmirati għal etajiet varji. Fost l-oħrajn, ta’ min insemmu ColourVerse, workshop interattiv mill-MCOI u l-Faber-Castell; Frances & Ġorġ: Camp Make Believe minn The Wanderer’s Tome; u sessjonijiet ta’ qari inklussiv minn Inspire Malta fil-Kamra Sensorja – kamra għall-kwiet magħmula għal tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu, imwieżna minn APS Bank.

Differenti mis-soltu mbagħad, did-darba l-addattamenti teatrali ta’ xogħlijiet letterarji se jkunu aċċessibbli għal kulħadd u mhux għat-tfal tal-iskola biss – b’erba’ xows ikkurati minn Simone Spiteri li se jittellgħu il-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd darbtejn kull wieħed. Sir af aktar dwar dawn hawnhekk.

Jirritornaw ukoll is-sessjonijiet tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu “Gost il-Qari” skont etajiet differenti minn 0 sa 12-il sena, kif ukoll iċ-ċerimonja tal-Promoturi tal-Qari li se tonora studenti li ġew nominati għall-passjoni li għandhom għall-qari u l-litteriżmu.

Esebizzjonijiet u kollaborazzjonijiet

L-edizzjoni tal-2025 tinkludi l-esebizzjoni From Illustration to Book, organizzata bi sħab mal-Kunsill Malti għall-Arti, li se jkollha esebit xogħol uħud mill-aħjar illustraturi u disinjaturi tal-kotba f’Malta. L-MCOI se tniedi Marka+Stampa, suq ġdid tal-artisti li jiffoka fuq iz-zines u l-ipprintjar bħala sengħa. L-esebizzjoni ESTRI se tlaqqa’ l-illustraturi mal-poeti bis-saħħa ta’ sketchbooks viżivi, u se tillumina d-djalogu bejn ix-xbihat u l-versi.

Nassiguraw l-aċċessibbiltà

Se jkun hemm biżżejjed spazju biex tipparkja fin-North Entrance tal-MFCC, u r-rotot 56, 186, u 202 tat-trasport pubbliku jwassluk hemmhekk ukoll. Il-viżitaturi mħeġġa jiċċekkjaw l-app Tallinja għall-aħħar aġġornamenti.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jseħħ mill-Erbgħa sal-Ħadd (5-9 ta’ Novembru) f’dawn il-ħinijiet:

  • L-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa: 9am-1pm, 5pm-9pm
  • Is-Sibt: 10am-9pm
  • Il-Ħadd: 10am-8pm

Għall-programm sħiħ tal-attivitajiet u l-aħħar informazzjoni dwar il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb żur is-sit, jew is-sit Facebook tal-KNK.

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.