Skip to content

Jiftaħ il-Fond Malti tal-Ktieb 2026 b’allokazzjoni akbar u żewġ fergħat oħra għall-E-books u l-Audiobooks

Image of Jiftaħ il-Fond Malti tal-Ktieb 2026 b’allokazzjoni akbar u żewġ fergħat oħra għall-E-books u l-Audiobooks

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) bi pjaċir iħabbar li mil-lum qed jilqa’ l-applikazzjonijiet għall-Fond Malti tal-Ktieb 2026.

Dis-sena l-allokazzjoni monetarja żdiedet bi €19,000 bl-introduzzjoni ta’ żewġ fergħat oħra sabiex il-Fond jilħaq aktar proġetti u jinkuraġixxi aktar diversità fil-pubblikazzjonijiet.

Il-Fond Malti tal-Ktieb jiftaħ kull sena b’fergħat differenti li jilqgħu sottomissjonijiet eliġibbli fi stadju ta’ proġett. Mindu beda fl-2015 kellu rwol importanti sabiex jistimula tkabbir fis-suq lokali tal-kotba billi jwieżen finanzjarjament lill-pubblikaturi u lill-awturi fil-proġetti tal-kotba tagħhom.

Għall-edizzjoni tal-2026 il-Fond se jkun fih das-seba’ fergħat:

1. Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Kotba Ġodda (€55,000) – Iwieżnu l-pubblikazzjoni ta’ xogħlijiet ta’ riċerka jew ta’ letteratura li jkollhom valur kulturali sinjifikattiv iżda jaf ma jkunux kummerċjalment vjabbli.

2. Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Edizzjonijiet Ġodda ta’ Kotba mhux fl-Istampa (€10,000) – Iwieżnu r-ripubblikazzjoni ta’ kotba b’valur kulturali, edukattiv jew intellettwali li jkunu ilhom minn tal-inqas 20 sena li ġew ippubblikati l-aħħar mis-sena kurrenti tal-Fond.

3. Għotjiet għall-Pubblikazzjoni tal-E-books (€3,000) – Iwieżnu l-pubblikazzjoni ta’ kotba diġitali (ippubblikati bil-Malti jew bl-Ingliż u b’ISBN Malti) – li jinkludu a) kotba ġodda ppubblikati mill-ewwel diġitalment u/jew b) kotba li qabel kienu stampati u li jinqalbu għad-diġital.

4. Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Audiobooks (€6,000) – Iwieżnu l-pubblikazzjoni ta’ kotba f’format ta’ awdjo (ippubblikati bil-Malti jew bl-Ingliż u b’ISBN Malti), li jinkludu kotba ppubblikati mill-ewwel f’format tal-awdjo, jew kotba li qabel kienu stampati u li jinqalbu għall-awdjo.

5. Għotjiet għat-Traduzzjoni u l-Esportazzjoni Kategorija 1: Traduzzjoni u Esportazzjoni ta’ Kotba minn Awturi Maltin (€50,000) – Iwieżnu t-traduzzjoni u l-pubblikazzjoni ta’ xogħlijiet minn awturi Maltin (ippubblikati bil-Malti jew bl-Ingliż u b’ISBN Malti) fi kwalunkwe lingwa oħra. Dan jinkludi ġabriet ta’ kitba oriġinali fittizja u mhux fittizja, u l-pubblikazzjoni ta’ xogħlijiet Maltin miktubin bl-Ingliż fi swieqi ġodda.

6. Għotjiet għat-Traduzzjoni u l-Esportazzjoni Kategorija 1: Traduzzjoni ta’ Silta minn Ktieb bħala Pitch (€5,000) – Iwieżnu t-traduzzjoni ta’ silta minn kotba Maltin f’xi lingwa oħra biex tintuża bħala pitch.

7. Għotjiet għat-Traduzzjoni lejn il-Malti (€25,000) – Iwieżnu t-traduzzjoni u l-pubblikazzjoni bil-Malti ta’ xogħlijiet barranin, u jippromwovu l-iskambju kulturali u l-aċċessibbilt​​à.

L-għotjiet kollha jsegwu l-proviżjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Ekonomiċi tal-Kittieba.

Kull proġett rebbieħ jista’ jingħata sa 100% tal-ispejjeż mitluba, iżda kull kategorija għandha massimu ta’ kemm kull proġett jista’ jingħata fondi, li huma hekk;

  • €5,000 għal proġetti sottomessi f’Fergħa 1, 2, 5, u 7;
  • €2,000 għal proġetti sotomessi f’Fergħa 4;
  • €1,500 għal proġetti sottomessi fis-subfergħa 3a u €1,000 għal proġetti sottomessi f’subfergħa 3b u;
  • €500 għal proġetti sottomessi f’Fergħa 6.

Bidliet ewlenin għall-2026

Minn dis-sena ġew introdotti żewġ fergħat ġodda ta’ fondi: L-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni tal-E-books u l-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni tal-Audiobooks. Bi tweġiba għall-avvanzi li qed isiru fil-pubblikazzjoni diġitali, ġew allokati €3,000 għal proġetti ta’ e-books u €6,000 għal dawk tal-adiobooks.

Dawn il-fondi jwieżnu l-ispejjeż relatati mal-pubblikazzjoni diġitali, fosthom is-software u l-għodda biex tipproduċi l-e-books, kif ukoll il-ħlas tan-narrazzjoni u l-ispejjeż tar-rikording għall-audiobooks. L-ispejjeż l-oħra li ssibhom anki f’fergħat oħra inklużi wkoll – ħlasijiet lill-awtur, illustrazzjonijiet, qari tal-provi, u distribuzzjoni, fost oħrajn.

Biex jgħin lill-applikanti interessati f’dawn il-formati, il-KNK se jkun qed jorganizza workshops tul is-sena dwar is-suġġett, li se jitmexxew minn ħarrieġa professjonali fl-industrija. Das-sessjonijiet se jmissu mal-aħjar prattiċi u l-aktar għodda riċenti sabiex tipproduċi e-books u audiobooks ta’ kwalità.

Żieda ta’ €19,000 fl-Allokazzjoni: Il-fond totali ta’ dis-sena tela’ minn €135,000 għal €154,000, u daż-żidiet tqassmu hekk:

+€5,000 għall-Għotjiet għat-Traduzzjoni u l-Esportazzjoni Kategorija 1: Traduzzjoni u Esportazzjoni ta’ Kotba minn Awturi Maltin

+5,000 għall-Għotjiet għat-Traduzzjoni lejn il-Malti

+3,000 għall-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni tal-E-books

+6,000 għall-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Audiobooks

Dawk interessati mħeġġa jżuru s-sit tal-Fond Malti tal-Ktieb biex jaraw ir-regolamenti. L-applikazzjonijiet iridu jiddaħħlu bis-Submittable billi timxu ma’ dil-ħolqa.

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar il-Fond Malti tal-Ktieb ibgħat lil Matthew Borg fuq matthew.borg@ktieb.org.mt

Is-sejħa tagħlaq fid-19 ta’ Mejju 2026 f’nofsinhar. Il-benefiċjarji jitħabbru fis-17 ta’ Lulju 2026. 

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.