Skip to content

Jiftaħ uffiċjalment il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2025 u titnieda l-esebizzjoni From Illustration to Book

Image of Jiftaħ uffiċjalment il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2025 u titnieda l-esebizzjoni From Illustration to Book

Ilejla fetħet uffiċjalment is-46 edizzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) Ta’ Qali. Waqt il-ftuħ, tnediet ukoll ir-raba’ edizzjoni tal-esebizzjoni From Illustration to Book, b’kollaborazzjoni bejn il-KNK u l-Kunsill Malti għall-Arti (ACM).

Din l-akbar ċelebrazzjoni tal-kotba u l-qari fil-Gżejjer Maltin se ssir bejn il-5 u d-9 ta’ Novembru bl-islogan ‘Nikteb mill-Ġdid’ – referenza għall-qawwa trasformattiva tal-letteratura fil-forom varji tagħha.

B’aktar minn 40 esebitur u bi programm t’attivitajiet li jisboq il-100 waħda, il-Festival ilaqqa’ taħt saqaf wieħed pubblikaturi, bejjiegħa tal-kotba, u msieħba kulturali oħra, li flimkien isarrfu f’esperjenza kulturali inklussiva għall-viżitaturi mill-viji kollha tal-ħajja.

Waqt l-indirizz tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-KNK Mark Camilleri, irringrazzja lit-tim kollu tax-xogħol bla waqfien tagħhom, li dis-sena nzerta fi żmien “ta’ tkabbir u bidliet sostanzjali fil-Kunsill”. Camilleri wera ħerqa dwar il-miżura baġitarja ta’ €20 vawċer għal kull student li jżur il-Festival – miżura li ġiet rikonfermata għas-sena d-dieħla.

“Din l-inizjattiva, li diġà attirat eluf ta’ reġistrazzjonijiet, se tressaq aktar tfal u familji lejn il-kotba u l-qari. Kburin naraw li l-Festival kiber mhux biss fil-popolarità, iżda anki fis-saħħa tal-kollaborazzjonijiet li jseddquh – ma’ entitajiet pubbliċi, kumpaniji privati, u msieħba kreattivi. Flimkien dawn jagħmlu lill-Festival ċelebrazzjoni letterarja kollettiva”, qal Camilleri.

Camilleri ngħaqad minn Nikki Petroni, Eżekuttiv għall-Edukazzjoni u l-Iżvilupp fi ħdan l-ACM u l-kuratriċi ta’ From Illustration to Book – esebizzjoni li se tixgħel bozza fuq l-arti tal-illustrazzjonijiet tal-kotba.

“Il-letteratura hija minnha nnifisha forma ta’ arti, u għalhekk essenzjali li nosservaw u napprezzaw il-faċċati kollha tagħha. Bis-saħħa ta’ din l-esebizzjoni qed noffru pjattaforma lill-artisti li jaħdmu f’din l-industrija, u fl-istess ħin nenfasizzaw l-importanza li nibqgħu noffru dawn l-opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali u kreattiv”, irrimarkat Petroni.

“Din hija biss dewqa tax-xogħol għaddej fis-setturi kulturali u kreattivi sabiex tiżdied l-aċċessibbiltà, inħeġġu l-professjonalizzazzjoni, u nippromwovu s-sostenibbiltà fl-industrija”, żiedet Petroni, u rringrazzjat lit-tim tal-KNK u lill-artisti, illustraturi, awturi u pubblikaturi kollha għax-xogħol siewi, bla heda u mimli dedikazzjoni li jwettqu kuljum.

Il-Festival se jerġa’ jilqa’ bi pjaċir numru ta’ awturi internazzjonali akklamati. Dis-sena l-KNK stieden lir-rumanziera mir-Renju Unit Samantha Harvey, li se tkun qed titkellem dwar ir-rumanz li bih rebħet il-Premju Booker Orbital, live mal-awtriċi Maltija Loranne Vella nhar il-Ġimgħa, 7 ta’ Novembru fis-19:00.

Se jkollna wkoll lir-rumanzier eklettiku Amerikan Jeff VanderMeer, li se jmexxi masterclass dwar il-finzjoni immaġinattiva l-Ħamis, 6 ta’ Novembru, fis-19:00, kif ukoll se jkun intervistat is-Sibt, 8 ta’ Novembru. L-editriċi rebbieħa ta’ diversi premji Ann VanderMeer se tippreżenta sessjoni dwar kif taħdem ma’ edituri b’mod professjonali, imbagħad l-aġent letterarju mir-Renju Unit Simon Trewin se jaqsam mal-udjenza xi pariri tas-sengħa sabiex dak li jkun jimmassimizza ċ-ċansijiet tiegħu meta jidher f’xi katalgu bħalma hu l-Katalgu tad-Drittijiet ta’ Barra tal-KNK.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jseħħ mill-Erbgħa sal-Ħadd (5-9 ta’ Novembru) f’dawn il-ħinijiet:

●  L-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa: 9am-1pm, 5pm-9pm

●  Is-Sibt: 10am-9pm

●  Il-Ħadd: 10am-8pm

Għall-programm sħiħ tal-attivitajiet u l-aħħar informazzjoni dwar il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb żur is-sit, jew is-sit Facebook tal-KNK.

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.