Home / News / Jiftaħ uffiċjalment il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2025 u titnieda l-esebizzjoni From Illustration to Book Back to News Jiftaħ uffiċjalment il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2025 u titnieda l-esebizzjoni From Illustration to Book Festivals • Malta Book Festival • Other 4th November, 2025 Ilejla fetħet uffiċjalment is-46 edizzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) Ta’ Qali. Waqt il-ftuħ, tnediet ukoll ir-raba’ edizzjoni tal-esebizzjoni From Illustration to Book, b’kollaborazzjoni bejn il-KNK u l-Kunsill Malti għall-Arti (ACM). Din l-akbar ċelebrazzjoni tal-kotba u l-qari fil-Gżejjer Maltin se ssir bejn il-5 u d-9 ta’ Novembru bl-islogan ‘Nikteb mill-Ġdid’ – referenza għall-qawwa trasformattiva tal-letteratura fil-forom varji tagħha. B’aktar minn 40 esebitur u bi programm t’attivitajiet li jisboq il-100 waħda, il-Festival ilaqqa’ taħt saqaf wieħed pubblikaturi, bejjiegħa tal-kotba, u msieħba kulturali oħra, li flimkien isarrfu f’esperjenza kulturali inklussiva għall-viżitaturi mill-viji kollha tal-ħajja. Waqt l-indirizz tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-KNK Mark Camilleri, irringrazzja lit-tim kollu tax-xogħol bla waqfien tagħhom, li dis-sena nzerta fi żmien “ta’ tkabbir u bidliet sostanzjali fil-Kunsill”. Camilleri wera ħerqa dwar il-miżura baġitarja ta’ €20 vawċer għal kull student li jżur il-Festival – miżura li ġiet rikonfermata għas-sena d-dieħla. “Din l-inizjattiva, li diġà attirat eluf ta’ reġistrazzjonijiet, se tressaq aktar tfal u familji lejn il-kotba u l-qari. Kburin naraw li l-Festival kiber mhux biss fil-popolarità, iżda anki fis-saħħa tal-kollaborazzjonijiet li jseddquh – ma’ entitajiet pubbliċi, kumpaniji privati, u msieħba kreattivi. Flimkien dawn jagħmlu lill-Festival ċelebrazzjoni letterarja kollettiva”, qal Camilleri. Camilleri ngħaqad minn Nikki Petroni, Eżekuttiv għall-Edukazzjoni u l-Iżvilupp fi ħdan l-ACM u l-kuratriċi ta’ From Illustration to Book – esebizzjoni li se tixgħel bozza fuq l-arti tal-illustrazzjonijiet tal-kotba. “Il-letteratura hija minnha nnifisha forma ta’ arti, u għalhekk essenzjali li nosservaw u napprezzaw il-faċċati kollha tagħha. Bis-saħħa ta’ din l-esebizzjoni qed noffru pjattaforma lill-artisti li jaħdmu f’din l-industrija, u fl-istess ħin nenfasizzaw l-importanza li nibqgħu noffru dawn l-opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali u kreattiv”, irrimarkat Petroni. “Din hija biss dewqa tax-xogħol għaddej fis-setturi kulturali u kreattivi sabiex tiżdied l-aċċessibbiltà, inħeġġu l-professjonalizzazzjoni, u nippromwovu s-sostenibbiltà fl-industrija”, żiedet Petroni, u rringrazzjat lit-tim tal-KNK u lill-artisti, illustraturi, awturi u pubblikaturi kollha għax-xogħol siewi, bla heda u mimli dedikazzjoni li jwettqu kuljum. Il-Festival se jerġa’ jilqa’ bi pjaċir numru ta’ awturi internazzjonali akklamati. Dis-sena l-KNK stieden lir-rumanziera mir-Renju Unit Samantha Harvey, li se tkun qed titkellem dwar ir-rumanz li bih rebħet il-Premju Booker Orbital, live mal-awtriċi Maltija Loranne Vella nhar il-Ġimgħa, 7 ta’ Novembru fis-19:00. Se jkollna wkoll lir-rumanzier eklettiku Amerikan Jeff VanderMeer, li se jmexxi masterclass dwar il-finzjoni immaġinattiva l-Ħamis, 6 ta’ Novembru, fis-19:00, kif ukoll se jkun intervistat is-Sibt, 8 ta’ Novembru. L-editriċi rebbieħa ta’ diversi premji Ann VanderMeer se tippreżenta sessjoni dwar kif taħdem ma’ edituri b’mod professjonali, imbagħad l-aġent letterarju mir-Renju Unit Simon Trewin se jaqsam mal-udjenza xi pariri tas-sengħa sabiex dak li jkun jimmassimizza ċ-ċansijiet tiegħu meta jidher f’xi katalgu bħalma hu l-Katalgu tad-Drittijiet ta’ Barra tal-KNK. Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jseħħ mill-Erbgħa sal-Ħadd (5-9 ta’ Novembru) f’dawn il-ħinijiet: ● L-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa: 9am-1pm, 5pm-9pm ● Is-Sibt: 10am-9pm ● Il-Ħadd: 10am-8pm Għall-programm sħiħ tal-attivitajiet u l-aħħar informazzjoni dwar il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb żur is-sit, jew is-sit Facebook tal-KNK. SHARE POST Related Articles Il-KNK jippubblika r-Rapport Annwali għall-2025 News 17th April, 2026 Read More Il-Premju Commonwealth għan-Novelli jilqa’ lill-ewwel Malti li qatt għamilha mal-lista reġjonali tal-finalisti News 15th April, 2026 Read More Avviż lill-Esebituri u l-Organizzaturi tal-Avvenimenti – Applikaw Issa Biex Tipparteċipaw fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2026! Other 14th April, 2026 Read More Jekk tixtieq issir editur tal-kotba rreġistra issa għal dal-kors online b’xejn News 13th April, 2026 Read More Ħareġ il-45 Pagament Tal-Jeddijiet Tas-Self Pubbliku Inizjattivi 9th April, 2026 Read More Sejħa għall-Addattamenti Teatrali ta’ Kotba Maltin waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb News 8th April, 2026 Read More Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jilqa’ Maniġer ġdida News 7th April, 2026 Read More Titnieda l-Iskema tas-Sussidju għall-Kotba Stampati News 1st April, 2026 Read More Ippubblikata l-lista tas-sottomissjonijiet eliġibbli għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2026 Other 30th March, 2026 Read More Il-Programm Sħiħ tal-Konferenza Annwali dwar il-Ktieb: Kelliema varji jistħarrġu r-realtajiet ekonomiċi fl-industrija tal-pubblikazzjoni Inizjattivi 20th March, 2026 Read More view all similar news
Il-Premju Commonwealth għan-Novelli jilqa’ lill-ewwel Malti li qatt għamilha mal-lista reġjonali tal-finalisti News 15th April, 2026 Read More
Avviż lill-Esebituri u l-Organizzaturi tal-Avvenimenti – Applikaw Issa Biex Tipparteċipaw fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2026! Other 14th April, 2026 Read More
Jekk tixtieq issir editur tal-kotba rreġistra issa għal dal-kors online b’xejn News 13th April, 2026 Read More
Sejħa għall-Addattamenti Teatrali ta’ Kotba Maltin waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb News 8th April, 2026 Read More
Ippubblikata l-lista tas-sottomissjonijiet eliġibbli għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2026 Other 30th March, 2026 Read More
Il-Programm Sħiħ tal-Konferenza Annwali dwar il-Ktieb: Kelliema varji jistħarrġu r-realtajiet ekonomiċi fl-industrija tal-pubblikazzjoni Inizjattivi 20th March, 2026 Read More