Skip to content

Joħorġu r-riżultati tal-Fond Malti tal-Ktieb 2025

Image of Joħorġu r-riżultati tal-Fond Malti tal-Ktieb 2025

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi pjaċir iħabbar li l-bord tal-aġġudikanti tal-Fond Malti tal-Ktieb qabel fuq il-proġetti rebbieħa tal-edizzjoni ta’ dis-sena. B’kollox se jiġu megħjuna 31 proġett, bejn fondi għall-pubblikazzjoni u fondi għat-traduzzjoni.

Apparti ż-żieda monetarja tal-Fond Malti tal-Ktieb, dis-sena kien hemm bidla oħra ewlenija – il-proċess tal-applikazzjoni u l-aġġudikazzjoni mexa kollu online. Barra minn hekk, il-linjigwida ġew emendati u żdiedu t-trasparenza u ċ-ċarezza matul il-perjodu tal-aġġudikazzjoni.

Il-proġetti rebbieħa ntgħażlu skont damma ta’ kriterji stabbiliti, fosthom is-sħuħija tal-applikazzjoni, il-valur kulturali u edukattiv tal-proġett, l-ingaġġ mas-suq tal-pubblikazzjoni u l-udjenza mira, l-attwalizzazzjoni u l-ispejjeż.

L-aġġudikanti tal-Fond Malti tal-Ktieb 2025 kienu Nikki Petroni, Kurstin Gatt, Francine Farrugia u Daniel Xerri, li aġġudikaw is-sottomissjonijiet b’mod indipendenti.

L-aġġudikanti esprimew ottimiżmu dwar il-kwalità tas-sottomissjonijiet f’kull fergħa tal-Fond, u ddeskrivew is-sitwazzjoni bħala waħda “promettenti u b’enerġija kreattiva”. Dan juri li hemm domanda b’saħħitha għall-għajnuna fil-produzzjonijiet letterarji u kulturali.

“Bosta proġetti wrew ħsieb fil-mod kif ġie trattat is-suġġett tal-proġett u responsabbiltà lejn l-arrikkiment tal-fehim tal-pubbliku bis-saħħa ta’ metodi kreattivi jew skolastiċi”, irrimarkaw l-aġġudikanti, filwaqt li nnutaw li bosta proġetti sottomessi fil-qasam tar-riċerka jew tal-letteratura mhux fittizja jesploraw partijiet mill-istorja Maltija li ngħataw il-ġenb tul iż-żmien. Semmew ukoll li dawk il-proġetti tal-finzjoni ddistingwew ruħhom fl-esperimentazzjoni bil-ġeneru jew il-medium.

“Innovazzjonijiet bħal dawn huma sinjal ta’ kunfidenza akbar sabiex nimxu lil hinn minn formati ta’ pubblikazzjoni tradizzjonali”, sostnew l-aġġudikanti. Madankollu, ġew innutati wkoll xi nuqqasijiet. Fost l-oħrajn, l-aġġudikanti kkummentaw dwar applikazzjonijiet b’dokumenti neqsin u baġitjar vag li allura jqajmu d-dubji dwar kemm il-proġett jista’ jsir. Kien hemm nuqqasijiet anki fil-pjan tal-marketing, u l-aġġudikanti qalu li dan iġegħelhom jitħassbu ftit meta wieħed iqis li qed ngħixu f’ambjent fejn inqas nies qed taqra u li, allura, dan jeħtieġ enfasi akbar fuq kif il-ktieb se jkun promoss biex jattira lill-qarrejja.

Sa meta għalqu l-applikazzjonijiet fl-20 ta’ Mejju, il-Fond Malti tal-Ktieb 2025 kien irċieva 72 applikazzjoni mifruxin fil-fergħat varji tiegħu. L-allokazzjoni finanzjarja dis-sena kienet ta’ €135,000, maqsuma kif ġej:

  1. €55,000 f’Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Kotba Ġodda;
  2. €10,000 f’Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Kotba Edizzjonijiet Ġodda ta’ Kotba mhux fl-Istampa;
  3. €45,000 f’Għotjiet għat-Traduzzjoni u l-Esportazzjoni Kategorija 1: Traduzzjoni u Esportazzjoni ta’ Kotba minn Awturi Maltin;
  4. €5,000 f’Għotjiet għat-Traduzzjoni u l-Esportazzjoni Kategorija 2: Traduzzjoni ta’ Silta minn Ktieb bħala Pitch;
  5. €20,000 f’Għotjiet għat-Traduzzjoni lejn il-Malti.

L-applikanti li ma rnexxilhomx jieħdu l-fondi f’din l-edizzjoni huma mħeġġa jerġgħu japplikaw fis-sejħa li jmiss kemm bil-proġett li applikaw għalih jew b’xi proġett ieħor.

Kull applikant se jirċievi rapport dwar l-applikazzjoni tiegħu, magħmul mill-marki mogħtija u minn kumment ġenerali.

Il-KNK se jikkuntattja lill-applikanti rebbieħa fil-jiem li ġejjin sabiex jiffirmaw il-kuntratt tal-benefiċjarju, li jagħtihom sentejn (24 xahar) mill-firma tiegħu sabiex ilestu l-proġett.

Il-proġetti kollha li ħadu l-fondi, skont il-fergħa, tista’ ssibhom hawn taħt.

Pubblikazzjoni ta’ Kotba Ġodda

Applikant
Proġett
Pubblikatur
Fond allokat €
Charles Paul Azzopardi‘Shadows and Light - The First Century of Maltese Photography (1839-1939)’. Dal-ktieb iħares lejn l-istorja tal-fotografija f’Malta mit-twelid tagħha f’nofs is-seklu 19 sal-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija.Midsea Books5,000
Luke Saydon‘Il-Każin tal-Imqarbin’ - Il-pubblikazzjoni tal-musical ġdid LGBTQI+. Dan il-musical huwa l-uniku dramm li qatt inkiteb fejn ġew dokumentati l-ewwel każijiet tal-AIDS f’Malta u ġew ċelebrati il-vuċijiet sigrieti ta’ dawk li tlifna għal dan il-virus.Awtoppubblikat4,944
Matthew Stroud‘Bertha Ilg’s Maltese Folktale Letters’ - Dal-proġett jimmira li jittraduċi fil-Malti u jippubblika l-152 ħrafa Maltija li nstabu f’dawn l-ittri. Dan se jirdoppja l-korpus ta’ ħrejjef li għandna bħalissa bil-Malti, u b’hekk se jarrikkixxi b’mod sinjifikanti u permanenti l-fehim tal-kultura u l-folklor Malti.Midsea Books5,000
Paul P. Borg‘Dubbiena Kukkużejt’ - Il-pubblikazzjoni tad-dramm Dubbiena Kukkużejt li tittratta għażliet personali ta’ sesswalità, il-kruha tal-pedofilja u l-effett li jħallu matul il-ħajja.Awtoppubblikat4,076.77
Simone Spiteri‘Ineż Kienet Perf(etta)/ Era Perf(etta)/ Was Perf(ect)’ - Pubblikazzjoni trilingwi u reinterpretazzjoni tal-klassiku Malti Ineż Farruġ. Miktub minn Simone Spiteri, tradott għat-Taljan minn Virginia Monteforte, u għall-Ingliż mill-awtriċi.Kotba Calleja5,000
Miriam Galea‘Ġewwieni’ - Rumanz grafiku għall-adulti li jinkludi test poetiku ma’ serje ta’ artworks b’midja mħallta. Il-ktieb jesplora t-tema tal-maternità, il-ħlas, u ġisem il-mara, u jqabbel dal-proċess ma’ meta dak li hu ġewwa awtur joħorġu barra.Kotba Calleja3,663.02
Virginia Monteforte‘Il-memorja tal-ilma - La memoria dell’acqua’ - Ġabra ta’ poeżiji miktuba bit-Taljan dwar l-ilma u l-memorja, bil-verżjoni Maltija tradotta minn Clare Azzopardi fil-paġna ta’ ħdejhom.Kotba Calleja4,933
Gordon Pisani‘Ad Ægiptum: men, women, children, families in Egypt from Malta 1880s-1956’ - Dal-ktieb jistudja, janalizza u jinnarra ċ-ċirkustanzi li għexet id-dijaspora Maltija fl-Eġittu waqt il-perjodu Ingliż tal-‘imperu informali’ f’dak il-pajjiż.Kite Group5,000
Mario Joseph Ciancio‘The Ciancio Photographers’ - Dal-ktieb iħares fil-fond lejn il-fotografi ikoniċi tal-familja Ciancio, b’ħarsa lejn il-bidu umli tagħhom sal-fotografija professjonali li ħaddnu tul erba’ ġenerazzjonijiet.Awtoppubblikat5,000
Leanne Ellul‘Hunch - Kif ma tqumx għal oħra’ - Ktieb poetiku li jgħaqqad flimkien ġeneri differenti (id-djarju, il-lista, il-poeżija, l-ittri). It-testi, fil-qalba tagħhom, kollha huma poetiċi u mnebbħin mill-ħajja ta' ziju li fil-ktieb se jkun imsejjaħ Hunch.Merlin Publishers5,000
Anthony Attard‘UdjenzaX5’ - Udjenza se tippubblika l-ewwel ġabra ta’ drammi tagħha, b’xogħlijiet minn drammaturgi bħal Simon Bartolo, Herman Grech, Andre Mangion, u Marta Vella. Se jkun hemm anki xogħlijiet tradotti minn Clare Azzopardi. Din l-antoloġija tesplora temi bħall-identità, is-soċjetà, u l-konnessjonijiet umani.Awtoppubblikat5,000
Joe Gatt'Qalb ta’ Dinja Bla Qalb’ - Ktieb ta’ Joe Gatt li jerġa’ jimmaġina l-paegant nazzjonali tagħna matul is-seklu għoxrin. Iż-żewġ vuċijiet kbar tas-seklu, Dom Mintoff u Mikiel Gonzi, huma l-vuċijiet li jiddominaw ir-rumanz, u jitkellmu mhux f’isimhom iżda f’isem “il-poplu”.Aphroconfuso5,000
Charles Xuereb‘Antistorja tal-Maltin’ - Il-ktieb janalizza b'mod serju ġrajjet Malta b'mod alternattiv (ġieli msejjaħ 'contre histoire') minn żmien pre-Neolitiku, b'tagħrif riċerkat xjentifikament fuq kulma nstab sal-lum u li jinteressa lill-qarrej Malti. Dan il-ktieb għandu jqanqal diskussjonijiet interessanti fuq l-aspett kulturali tal-abitanti aktar milli sempliċiment jagħti fatti ta' kronika.Midsea Books4,785

Pubblikazzjoni ta’ Edizzjonijiet Ġodda ta’ Kotba mhux fl-Istampa

Applikant
Proġett
Pubblikatur
Fond allokat €
Joseph Borg / L-Akkademja tal-MaltiIs-Saħħar Falzun ta' Agostino Levanzin. L-aħħar edizzjoni tar-rumanz ta’ Levanzin dehret fl-1991.Klabb Kotba Maltin5,000
Joseph BorgAntoloġija ta’ novelli li ġiet ippubblikata l-aħħar fl-1967 mill-gazzetta It-Torċa.SKS Publishers5,000

Traduzzjoni u l-Esportazzjoni Kategorija 1: Traduzzjoni u Esportazzjoni ta’ Kotba minn Awturi Maltin

Applikant
Proġett
Pubblikatur
Fond allokat €
Loranne VellaTraduzzjoni u pubblikazzjoni tar-rumanz Marta Marta, ta' Loranne Vella, għat-Taljan minn Virginia Monteforte.Prospero Editore5,000.0
Breda BiščakTraduzzjoni u pubblikazzjoni tar-rumanz Castillo ta’ Clare Azzopardi fis-Sloven.LUD Literatura3,675.0
Dejan MaticIt-traduzzjoni u l-pubblikazzjoni tal-ġabra ta’ poeżiji Għażiż Ġismi ta’ Immanuel Mifsud fis-Serb mit-traduzzjoni pont bl-Ingliż.Treći Trg5,000.0
Leanne EllulIt-traduzzjoni u l-pubblikazzjoni ta’ The White Poems ta’ Leanne Ellul fl-Għarbi.Sefsafa for Culture and Publishing5,000.0
Ahmed AnisIt-traduzzjoni u l-pubblikazzjoni tal-ġabra ta’ novelli Dak li l-Lejl Iħallik Tgħid ta’ Pierre J. Mejlak fl-Għarbi.Hayat Publishing4,500.0
Julijana Velichkovska DimoskaIt-traduzzjoni u l-pubblikazzjoni tar-rumanz Jutta Heim ta’ Immanuel Mifsud fil-Maċedonjan.PNV Publikacii4,754.0
Hrant AleksanyanIt-traduzzjoni u l-pubblikazzjoni tar-rumanz The Names They Left Behind ta’ Clare Azzopardi fl-Armen.Vogi-Nairi5,000.0
Nikolaos BinosIt-traduzzjoni u l-pubblikazzjoni tal-ġabra ta’ novelli What will it take for me to leave ta’ Loranne Vella fil-Grieg.World Books3,000.0
Urara SassaIt-traduzzjoni u l-pubblikazzjoni tal-ġabra ta’ novelli What will it take for me to leave ta’ Loranne Vella fil-Ġappuniż.Nanpou Shinsha5,000.0

Traduzzjoni u l-Esportazzjoni Kategorija 2: Traduzzjoni ta’ Silta minn Ktieb bħala Pitch

Applikant
Proġett
Fond allokat €
Tyrone GrimaTraduzzjoni ta’ silta mir-rumanz Frammenti bħala pitch.455.95
Joe GattTraduzzjoni ta’ silta ta’ 3,500 kelma mir-rumanz Qarn ta’ Romeo Roxman Gatt bħala pitch.500

Traduzzjoni lejn il-Malti

Applikant
Proġett
Pubblikatur
Fond allokat €
Toni AquilinaIt-traduzzjoni u l-pubblikazzjoni bil-Malti tat-traġedja f'ħames atti Les Justes (Il-Ġusti), ta' Albert Camus.Faraxa Publishing5,000.0
Dr. Adrian StivalaIt-traduzzjoni u l-pubblikazzjoni bil-Malti ta’ Il Nome della Rosa ta’ Uberto Eco.Klabb Kotba Maltin5,000.0
Matthew StroudIt-traduzzjoni u l-pubblikazzjoni bil-Malti ta’ 139 ħrafa Maltija mill-Ġermaniż.Klabb Kotba Maltin5,000.0
Joanne MicallefIt-traduzzjoni u l-pubblikazzjoni bil-Malti ta’ The Dark Forest (Il-Masġar Mudlam) ta’ Liu Cixin.Faraxa Publishing5,000.0
David BezzinaIt-traduzzjoni u l-pubblikazzjoni bil-Malti ta’ Lichtungen (Glimmer of Light) ta’ Iris Wolff.Horizons1,856.0

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.