Skip to content

Niktbu mill-Ġdid b’Għodda Fjamanti f’Idejna! Workshops u Masterclasses Għalik waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ’25

Image of Niktbu mill-Ġdid b’Għodda Fjamanti f’Idejna! Workshops u Masterclasses Għalik waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ’25

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, li dis-sena se jsir bejn il-5 u d-9 ta’ Novembru fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonjiet Ta’ Qali, huwa organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) u ddisinjat sabiex iservi ta’ ċelebrazzjoni tal-ktieb fil-forom varji tiegħu.

Bil-ktieb bħala prodott lest u ffinalizzat, lest għall-bejgħ minn diversi stands ta’ pubblikaturi, bejjiegħa tal-kotba jew esebituri oħra, il-Festival jaqdi l-funzjoni wkoll ta’ pjattaforma għall-pubbliku ġenerali u n-nies kreattivi sabiex josservaw kif storja tinħema u minn kunċett issir ktieb.

Dan it-traġitt huwa espress fl-islogan tal-Festival ta’ dis-sena – Nikteb mill-Ġdid – imma b’mod tanġibbli tistgħu tesperjenzawh waqt il-bosta workshops u masterclasses li jiffurmaw programm ta’ attiivitajiet dinamiku, kollu b’xejn iżda b’xi reġistrazzjonijiet minn hawnhekk.

Il-Kap Eżekuttiv tal-KNK, Mark Camilleri, qal “Kburin b’kif il-Festival kiber tul iż-żmien biex illum jista’ jilqa’ fih dawn it-tip t’attivitajiet li jgħinu lill-viżitaturi u lill-professjonisti fl-industrija tal-kotba sabiex jirfinaw is-sengħa tagħhom b’sessjonijiet ma’ professjonisti bħalhom ta’ livell internazzjonali, fil-qasam tal-kitba, il-pubblikazzjoni u oħrajn”.

“Dis-sena mhix eċċezzjoni. Bi qbil mat-tema tal-Festival Nikteb mill-Ġdid – it-trasformazzjoni u t-tiġdid – fil-programm hemm jistennewkom sensiela ta’ attivitajiet li jħeġġukom taqbdu u tibdew dak il-manuskritt li ilkom tant taħsbu fuqu, inkella tirfinaw xi ktieb qabel tibagħtuh hemm barra fid-dinja”, temm jgħid Camilleri.

Hawn taħt il-lista sħiħa tal-attivitajiet li trid tirreġistra għalihom. Tħallix għall-aħħar għax l-ispazji mhux infiniti!

***

Niktbu Finzjoni Immaġinattiva: Masterclass minn Jeff VanderMeer

L-awtur bestseller u rebbieħ ta’ diversi premji Jeff VanderMeer se jurik kif tista’ taħseb b’mod aktar kreattiv dwar l-ispirazzjoni, il-proċess, il-karattri, u l-plott permezz tal-ktieb uniku tiegħu Wonderbook, li se jservi ta’ punt ta’ riferiment għal workshop informattiv u divertenti dwar il-poter tal-immaġinazzjoni. 

Wonderbook għadu l-uniku gwida tal-kitba illustrat minn qoxra sa qoxra fid-dinja. Il-workshop se jkun viżiv ħafna, b’referenza għal bosta disinni b’kuluri stimulanti. (Il-parteċipanti m’għandhomx bżonn il-Wonderbook għall-workshop peress li l-materjal neċessarju se jiġi provdut.)

Trid tirreġistra għal din l-attività bla ħlas. Postijiet riservati fuq bażi ta’ min japplika l-ewwel jinqeda l-ewwel.

Kif Taħdem ma’ Edituri Professjonali: Workshop minn Ann VanderMeer

Issa ilek tikteb għal xi żmien. Jew forsi tixtieq tikteb dawk l-istejjer kollha li ilhom iduru f’moħħok. Iżda xi ngħidu dwar ir-reviżjoni u l-editjar? Kemm huma importanti u kif tista’ tibbenifika minnhom? Ingħaqad mal-editriċi rebbieħa ta’ diversi premji, Ann VanderMeer, għal dan il-workshop dwar l-editjar fejn tista’ titgħallem dwar is-servizzi differenti li editur jista’ jipprovdilek biex tirfina l-finzjoni tiegħek kif ukoll kif tinkorpora r-reviżjoni fil-proċess tal-kitba tiegħek.

F’dal-workshop qed tistenniek taħlita ta’ lekċers qosra ma’ eżerċizzji tal-kitba divertenti. Ma jonqosx ħafna logħob bil-kitba li se jurik kif tista’ tirrevedi l-finzjoni tiegħek miegħek innifsek jew m’oħrajn. Il-parteċipanti se jitgħallmu wkoll kif taħdem m’edituri professjonali u professjonisti oħrajn fid-dinja tal-pubblikazzjoni. 

Trid tirreġistra għal dan il-workshop bla ħlas. Ninkoraġġixxu lill-parteċipanti prospettivi biex jibbukkjaw malajr peress li l-postijiet huma limitati.

Irfina l-Pitch tiegħek għall-Katalgu tad-Drittijiet ta’ Barra: Workshop minn Simon Trewin

Il-Katalgu tad-Drittijiet ta’ Barra tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb huwa passaġġ kruċjali li l-awturi u l-pubblikaturi lokali għandhom sabiex jaslu għas-swieqi internazzjonali fejn ikunu jistgħu juru x-xogħol tagħhom. F’dan il-workshop ta’ madwar siegħa,  l-aġent letterarju veteran Simon Trewin jaqta’ barra x-xinxilli u jiffoka strettament fuq kif tippożiżżjona l-pitch tiegħek f’katalgu sabiex tieħu li tista’ minnu.

B’esperjenza miġbura minn deċennji ta’ ħidma fuq il-post f’sitwazzjonijiet diffiċli, Trewin se jelenka l-Akbar 10 Żbalji fil-Pitches li jwettqu kemm l-awturi u anki min jamministralhom id-drittijiet, imbagħad kif issolvihom malajr. Se jissemmew eżempji vera ta’ pitches li fallew miżerjament (u għala), u ta’ oħrajn imbagħad li ssarrfu fi ftehimiet maġġuri. Sal-aħħar tas-sessjoni tkun rabbejt sunnara li biha tistad b’suċċess għall-aġenti u l-pubblikaturi barranin, tkun tgħarraft dwar strateġiji biex tantiċipa xi nuqqas ta’ qbil u tibdlu f’opportunità ta’ bejgħ, u tkun tgħallimt kif il-preżenza tiegħek f’katalgu tad-drittijiet timmassimizza l-potenzjal tagħha. Ejja ppreparat għax jaf jiġu skreditati xi assunzjonijiet li għandek dwar ‘kif taħdem’ pitch, u lesti ruħek ħalli tirfina l-pitch tiegħek taħt id-direzzjoni minutuża ta’ Simon. L-għan ta’ dan il-workshop hu biex inti finalment toħroġ mis-sala lest biex il-pitch tiegħek tiġbed l-attenzjoni – kull darba li tidher.

Trid tirreġistra għal din l-attività bla ħlas. Postijiet riservati fuq bażi ta’ min japplika l-ewwel jinqeda l-ewwel.

One Stop Shop mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Aġent Letterarju Simon Trewin

Impjegati tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jkunu disponibbli għal kull mistoqsija li jista’ jkollok, kemm jekk inti professjonist fl-industrija tal-kotba u tixtieq tikseb xi informazzjoni dwar wieħed mill-konkorsi, premji jew fondi tagħna, u kemm jekk inti viżitatur tal-Festival li tixtieq tkun taf aktar dwar l-operat tal-KNK. Se jkun hemm ukoll xi materjal stampat li tista’ tieħu miegħek għal aktar informazzjoni, fosthom l-Istrateġija tal-KNK fuq Ħames Snin li għadna kif nedejna. 

Preżenti wkoll se jkun hemm l-aġent letterarju mir-Renju Unit, Simon Trewin, li se jkun qed jilqa’ l-mistoqsijiet tagħkom f’dak li għandu x’jaqsam ma’ drittijiet tal-awtur, kuntratti, u l-aħjar prattiċi ta’ kif il-ktieb tiegħek jista’ jagħmel suċċess fis-suq.

Il-laqgħat se jsiru b’mod individwali, iżda trid tirreġistra l-attendenza tiegħek minn qabel.

***

Iżda dan mhux kollox! Minbarra dawn t’hawn fuq, hemm lista sħiħa ta’ attivitajiet li l-esebituri eċċellenti tagħna se jtellgħu tul il-ħamest ijiem tal-Festival.

Ara liema attivitajiet jinteressawk billi żżur il-programm hawnhekk – ħu nota tagħhom, niżżilhom fil-kalendarju personali, u narawk Ta’ Qali!

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jseħħ bejn l-Erbgħa 5 u l-Ħadd 9 ta’ Novembru fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC), Ta’ Qali. L-attivitajiet kollha fil-programm huma b’xejn, iżda wħud minnhom jeħtieġu li tirreġistra għalihom minn Submittable. Il-programm sħiħ hawnhekk.

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.