Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, l-aktar ċelebrazzjoni tal-ktieb prominenti u prestiġġjuża tas-sena, se jsir fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi (MCC) mis-7 sal-11 ta’ Novembru. Din is-sena l-programm fih ’il fuq minn 80 attività, fosthom tnedijiet ta’ kotba u preżentazzjonijiet, konferenzi, taħditiet, drammi u attivitajiet ta’ divertiment għat-tfal. L-attivitajiet huma mħejjija jew mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jew mill-parteċipanti fil-Festival, li tista’ tgħid jinkludu kull pubblikatur, bosta bejjiegħa tal-kotba u NGOs kif ukoll aġenziji pubbliċi involuti fl-industrija tal-ktieb. Dis-sena l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb qed jirdoppja fl-ispazju. Se jkun hemm żewġ swali għall-eżebizzjoni – is-Sagra Infermerija (fuq) li se jkun fiha l-pubblikaturi, NGOs u libreriji (Maltin u barranin), filwaqt li l-bejjiegħa u l-ħwienet tal-kotba se jkunu fis-Sala La Valette (isfel).

Il-mistiedna speċjali ta’ din l-edizzjoni se tkun l-awtriċi u attivista ta’ fama internazzjonali Naomi Klein, li se tkun intervistata mill-ġurnalist lokali Matthew Vella, il-Ġimgħa 9 ta’ Novembru fit-8pm. Klein hi l-awtriċi tal-ktieb The Shock Doctrine, li kiser rekords ta’ bejgħ fid-dinja u li fih Klein titkellem dwar dak li ssejjaħlu ‘kapitaliżmu tad-diżastri’. Il-ktieb qawwa l-prominenza ta’ Klein, bin-New Yorker jgħid li Klein hi l-aktar figura viżibbli u influwenti fix-xellug Amerikan.

Attività ewlenija oħra hi ‘Il-Letteratura fid-Dijaspora’, l-Erbgħa fis-7pm. Ejja u sir af kif kittieba lokali u barranin, bħal Lou Drofenik, Nikola Petković, Vera Duarte u Philip O Ceallaigh jirriflettu r-realtajiet tal-ispostament, iċ-ċaqliq minn pajjiż għal ieħor, fix-xogħlijiet tagħhom. Lou, Nikola u Philip se jkollhom ukoll avvenimnti ddedikati għalihom separatament. Mistiedna internazzjonali oħra huma r-rumanzier, kittieb tal-esejs u traducteur Brittaniku Tim Parks u l-kittieb Brittaniku ieħor Michael Amherst. Amherst hu l-awtur ta’ Go Where your Blood Beats, li fih jistaqsi dwar id-diviżjoni tas-sesswalità, jiġifieri meta nifirdu bejn eterosesswali jew omosesswali, b’esplorazzjoni f’waqtha tal-istorja u l-psikoloġija kumplessa tax-xewqat umani. L-attivista internazzjonali u r-riċerkatriċi Ruth Baldacchino tintervista lil Amherst. Dan l-avveniment qed visir b’ħidma mal-MGRM.

Minħabba li dis-sena l-ispazju għall-Festival irdoppja, qed ikun mistenni li jirdoppja wkoll l-għadd ta’ studenti li jżuru l-Festival waqt l-attivitajiet ta’ filgħodu meta mqabbel mas-sena l-oħra. Dan juri żieda fil-popolarità tal-Festival ma’ udjenza aktar żagħżugħa – riżultat dirett tal-impenn tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb biex juża ’l-Festival biex jippromwovi kultura ta’ mħabba lejn il-ktieb. Waqt din l-edizzjoni se jkun hemm qari għat-tfal minn stejjer fil-letteratura Ċeka u Slovakka. ‘Promoturi tal-Qari’ hu avveniment li fih se jiġu ppremjati tfal li eċċellaw fil-qari jew li b’għemilhom għenu lil ħaddieħor jitjieb f’dil-ħila. Ħaġa oħra ġdida fil-Festival se tkun is-sehem tal-Iskola Maltija tal-Arti Viżiva u Performattiva, li se tkun qed torganizza serje ta’ attivitajiet għat-tfal fost il-ġimgħa filgħodu. L-attivitajiet se jkunu bbażati fuq Fittixni ta’ Antoinette Borg, rebbieħ tal-Premju Terremaxka tas-sena l-oħra.

Mhux ta’ min jitlef ukoll ix-xows li se jagħtu d-duo DANUSAN, Il-Kotba Jieħdu l-Ħajja, biex juru l-importanza tal-kultura tal-qari…ovvjament bil-mod uniku tagħhom! Ix-xows se jsiru l-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd u huma immirati għal familji bit-tfal. Aktar informazzjoni ssibha fuq www.showshappening.com.

Attivitajiet interessanti oħra li se jorganizza l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb huma d-diskussjoni li se titmexxa mill-ġurnalist James Debono dwar x’ħalliet warajha l-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia, Se jintwera għall-ewwel darba l-film Camilla ta’ Shadeena, rebbieħ tal-Konkors tal-KNK għall-Films Qosra, addattat min-novella bl-istess isem ta’ Clare Azzopardi, is-Sibt 10 ta’ Novembru fit-8.30pm.

Il-KNK qed jorganizza wkoll attivitajiet iddedikati lil Victor Fenech u lil Daphne Caruana Galizia, kif ukoll se jintwera għall-ewwel darba l-film asir Camilla ta’ Shadeena. Il-Ġimgħa waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jiġu ċċelebrati l-karriera u x-xogħlijiet letterarji tal-poeta Victor Fenech. Victor, li kellu sehem ewlieni fil-promozzjoni tal-letteratura Maltija u t-tħeġġiġ t’awturi ġodda, rebaħ il-premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kitba. 

Is-Sibt filgħaxija l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jiddedika ħin lill-ġurnalista u blogger Daphne Caruana Galizia b’avveniment dar il-legat tagħha. Il-ġurnalist James Debono se jmexxi diskussjoni li se tiffoka wkoll fuq il-kontroversji li ksew lil ħajjitha. Il-popolarità tal-aħbarijiet li kienet tippubblika u l-kummentarji fil-blog tagħha sawruha bħala waħda mill-aktar kittieba influwenti u l-aktar moqrija li kien hawn f’Malta. Aktar tard il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jippreżenta għall-ewwel darba l-film qasir ‘Camilla’, ta’ Shadeena, u dirett minn Stephanie Sant. ‘Camilla’ hu r-rebbieħ tal-Konkors Letterarju tal-KNK għall-Films Qosra ta’ dis-sena, u hu addattament ċinematografiku tan-novella bl-istess isem ta’ Clare Azzopardi. L-avveniment qed isir b’ħidma bejn il-KNK u Merlin Publishers.

Ejja sal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb f’Novembru li ġej bla inkwiet ta’ xejn, billi tuża s-servizz ta’ trasport b’xejn li se jiġi pprovdut is-Sibt 10 u l-Ħadd 11 ta’ Novembru. Is-servizz se jopera minn u lejn l-istejġ jisimha Publju qrib il-Monument tal-Indipendenza l-Furjana u Dar il-Mediterran (MCC) il-Belt. L-ewwel vjaġġ tal-ġurnata mill-Furjana se jkun is-Sibt fid-9.15am, u l-Ħadd ikun fit-8.15am, kull siegħa. L-aħħar vjaġġ jitlaq mill-MCC fl-10.30pm is-Sibt u fid-9.30pm il-Ħadd, kull siegħa wkoll.

L-edizzjoni ta’ dis-sena tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se ssir Dar il-Mediterran, il-Belt, bejn l-Erbgħa 7 u l-Ħadd 11 ta’ Novemvru. Il-programm tal-avvenimenti se jkun qed jitqassam f’kull dar f’Malta u Għawdex fil-ġimagħtejn li ġejjin. Tista’ tniżżel kopja diġitali tiegħu minn hawn: https://ktieb.org.mt/mt/festival-nazzjonali-tal-ktieb/ . Sir af altar dear il-Festival bill żżur hawnhekk: https://www.facebook.com/events/2161321014103325/

 


Share Article