Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qed jappella direttament lill-Gvern u lill-Prim Ministru biex jassiguraw li l-KNK u l-industrija tal-kotba jkollhom aċċess sħiħ u bla riżervi għaċ-Ċentru tal-Konferenzi Dar il-Mediterran (MCC), sabiex ikunu jistgħu jorganizzaw il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2021 mill-10 sal-14 ta’ Novembru, kif ukoll fis-snin ta’ wara.

B’dispjaċir il-KNK kien infurmat li mhux se nkunu nistgħu nużaw Sala Repubblika għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, għax minflok din se tintuża għax-xow ta’ atturi internazzjonali taċ-ċirkli issussidjat pubblikament – Cirque de Soleil.

Wara li sofriet l-agħar daqqa ta’ ħarta ekonomika li qatt qalgħet, l-industrija tal-kotba f’Malta teħtieġ is-sapport kollu li tista’ tieħu mill-Gvern. Madankollu jekk l-ispazju fl-MCC se jkun ristrett, dan se jaffettwa b’mod gravi lill-avveniment innifsu u d-dħul li jiġġenera, li huma kruċjali biex l-industrija tal-kotba tibqa’ teżisti. Nixtiequ ninnutaw li f’dawn iċ-ċirkustanzi partikulari u mhux mistennija, meta tqis li l-KNK huwa l-aktar klijent konsistenti u leali tal-MCC – użajna s-swali tiegħu fi żmien il-pandemija meta ħaddieħor kien qed jikkanċella kollox – qed niġu ttrattati b’dal-mod ħażin mill-eżekuttiv u l-amministrazzjoni tal-MCC. Nixtiequ anki nfakkru li s-sena l-oħra Cirque de Soleil fallew, u allura s-sussidju pubbliku tal-Gvern Malti lil dil-kumpanija jista’ jkollu bażi legali dubjuża immens, u aktarx huwa illegali skont regolamenti tal-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk, jidher li f’Malta biss iseħħu dawn l-affarijiet, fejn għandek Gvern li jieħu d-deċiżjoni bizarra u assurda li jipprijoritarizza grupp artistiku barrani u mhux lill-industrija kultura lokali. Anki jekk l-għan ewlieni tal-Gvern hu li jippromwovi lil Malta bħala destinazzjoni turistika, qed iwaqqa’ l-ġebla fuq saqajh jekk jagħmel dan billi jiffavorixxi gruppi artistiċi barranin minflok lill-industrija kreattiva lokali. L-industrija tal-kotba magħmula minn negozji żgħar ta’ familji li jaħdmu iebes, u l-Gvern imissu jifhem dan.

Nilqgħu l-intervent tal-Gvern biss jekk jidħol bis-serjetà f’dil-kwistjoni ħalli jagħtiha l-attenzjoni li jixirqilha u ma noqogħdux intawlu bla bżonn.


Share Article