Illum il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) ippreżenta numru kbir ta’ kotba bħala donazzjoni lil Malta Libraries, li issa jitqassmu f’kull librerija pubblika f’Malta u f’Għawdex kif ukoll f’libreriji oħra amminstrati minnha, bħal libreriji fi dar tax-xjuħ.

Il-kotba kienu jinkludu, iżda mhux biss, rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Terramaxka bil-Malti u bl-Ingliż li jvarjaw minn rumanzi, novelli, poeżija, drama, traduzzjoni, letteratura mhux fittizja, riċerka ġenerali, bijografika u storjografika, sa kotba tat-tfal u l-adolexxenti kemm fittizji u anki mhux fittizji.

Il-valur tad-donazzjoni kien ta’ €100,000. Din kienet ir-raba’ xirja straordinarja li l-KNK għamel dis-sena. Dax-xirjiet kienu jiffurmaw parti minn damma akbar ta’ inizjattivi biex il-pubblikaturi jiġu megħjuna jgħaddu sena mifnija minn imxija li tat daqqa ta’ ħarta oħra lil industrija tal-kotba, li diġà għandha d-diffikultajiet tagħha.

F’Marzu li għadda l-KNK xtara b’ €10,000 f’kotba mingħand il-pubblikaturi lokali, imbagħad żewġ xirjiet oħra ta’ €20,000 kull waħda f’April u Mejju. Għalhekk, jekk tiġi inkluża d-donazzjoni ta’ Diċembru, dis-sena l-KNK għen fil-likwidità tal-industrija tal-kotba b’€150,000 f’bejgħ ta’ kotba.

Barra did-donazzjoni lil Malta Libraries, entitajiet oħra iżgħar – il-maġġorparti Għaqdiet mhux Governattivi (NGOs) – se jirċievu donazzjonijiet oħra fl-2021.

Id-donazzjoni tal-kotba saret mid-Direttur Eżekuttiv tal-KNK, Simona Cassano (fix-xellug tar-ritratt), lil-Librara Nazzjonali u Kap Eżekuttiv ta’ Malta Libraries, Cheryl Falzon (fil-lemin tar-ritratt).


Share Article