Fid-dinja mgħaġġla tal-lum – anki dik letterarja – in-novella kisbet relevanza mġedda għax toffri lill-kittieb iċ-ċans ideali biex jesperimenta bil-forma, il-vuċi u n-narrattiva b’mod konċiż iżda li jħalli impatt. Bħalissa s-sottomissjonijiet għall-Premju Commonwealth għan-Novelli 2025 miftuħin, u din hija stedina unika għall-kittieba Maltin biex jaqsmu l-istejjer tagħhom ma’ udjenza globali. Imma għaliex għandek inti, bħala kittieb minn Malta, tiffoka fuq in-novella?

Il-Benefiċċji tal-Kitba tan-Novella

In-novella toffrilek iċ-ċans li tesperimenta bil-kitba mingħajr dak l-impenn partikulari assoċjat ma’ kitba itwal, bħalma nsibu fir-rumanz. F’medda ta’ ftit eluf ta’ kliem tista’ tesplora temi differenti, tilgħab b’vuċijiet uniċi, jew tidħol f’ġeneri varji. Minħabba l-qosor tan-novella, kull sentenza trid issib postha eżatt mal-oħrajn, u allura l-kittieb irid jitgħallem isir mgħallem tal-ekonomija fil-lingwaġġ – ħila li kif nafu tirfina l-oqsma kollha l-oħra tal-kitba. Ir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fin-Novelli tas-sena l-oħra, Rita Saliba, magħrufa għall-qosor f’xogħolha. Il-kontribuzzjonijiet tagħha lejn il-letteratura Maltija bil-kitba ta’ stejjer qosra ħafna stabbilixxew dal-ġeneru fl-aħħar snin fil-qafas lokali. Saliba mhix weħidha, u magħha jingħaqdu għadd ta’ kittieba illustri fil-finzjoni qasira bħal Juann Mamo, Sir Temi Zammit, Oliver Friggieri u Joe Friggieri, li flimkien huma ta’ ispirazzjoni għal min irid ikompli fi triqithom. In-novella għadha b’saħħitha fit-tradizzjoni letterarja lokali, b’kittieba kontemporanji bħal Immanuel Mifsud, Trevor Żahra u Alfred Sant. Bis-saħħa ta’ inizjattivi bħall-edizzjonijiet annwali ta’ Leħen il-Malti (ippubblikat mill-Għaqda tal-Malti) u l-perjodiku online Aphroconfuso  – li b’mod partikulari joffru spazju għall-kitba qasira – għadd ta’ vuċijiet friski qed jaraw id-dawl tal-pubblikazzjoni.

Il-kitbiet qosra ngħataw pjattaforma anki bis-saħħa tal-midja diġitali. Illum bosta qarrejja jippreferu narrattivi iqsar imma konċiżi li jistgħu jaqraw f’qarja waħda. Dan jagħmel lin-novella ġeneru aċċessibbli ħafna u għodda imprezzabbli biex jintlaħqu qarrejja ġodda. Għall-kittieba Maltin, li jseffqu wiċċhom ma’ sfidi partikulari biex jidħlu fi swieqi akbar, in-novella toffri dal-format palatabbli li kapaċi żżomm qarrejja internazzjonali mwaħħlin magħha — b’mod speċjali meta l-pjattaforma tkun waħda bħal dik tal-Premju Commonwealth għan-Novelli.

Kif tissottometti xogħlok

Is-sottomissjonijiet għall-Premju Commonwealth għan-Novelli 2025 fadlilhom miftuħa sal-1 ta’ Novembru 2024. M’hemmx miżati biex tipparteċipa. Il-kittieba jistgħu jissottomettu stejjer bil-Malti jew bl-Ingliż. L-istejjer sottomessi bil-Malti jarawhom aġġudikanti Maltin, u dawk li jġibu l-ogħla marki jgħaddu għall-fażijiet ta’ wara. Il-kollaborazzjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb mal-Fondazzjoni Commonwealth tassigura li dawk l-istejjer sottomessi bil-Malti li jgħaddu għall-fażi ta’ wara jkunu mbagħad maqluba għall-Ingliż biex ikunu fil-fażi tal-aġġudikazzjoni.

Daħħal xogħlok billi ssegwi dil-ħolqa.

Jintgħażlu ħames rebbieħa reġjonali u kull wieħed jingħata l-premju ta’ £2,500, u minn dawn tintgħażel storja waħda rebbieħa fuq kollha bi premju ta’ £5,000. Il-ħames stejjer ikunu ppubblikati fuq il-magazine prestiġġjuż Granta – ċans uniku li xogħlok ikun rikonoxxut globalment.

Kittieba stabbiliti jew oħrajn ġodda – qatt ma kien hemm ċans aħjar biex il-vuċi tiegħek tinstema’ bis-saħħa tal-ġeneru tan-novella. Meta tissottometti xogħlok għall-Premju Commonwealth għan-Novelli qed turi lid-dinja kollha kemm it-tradizzjoni letterarja Maltija hi rikka u profonda. Mela ħaddan u pperfezzjonizza s-sengħa tal-kitba tan-novella – leħnek jistħoqqlu jinstema’.

Mill-banda l-oħra, jekk inti interessat tapplika bħala aġġudikant tal-istejjer sottomessi bil-Malti bħala parti mill-ewwel fażi tal-aġġudikazzjoni, jekk jogħġbok applika hawnhekk mis-sit tal-KNK sal-20 ta’ Ottubru 2024.

Żur is-sit tal-Premju Commonwealth għan-Novelli 2025 għal aktar informazzjoni.


Share Article