L-għotjiet għat-traduzzjoni tal-Culture Export Fund (CEF), li huma ġestiti u mqassma mill-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura, għandhom l-għan li jżidu l-viżibbiltà tal-letteratura Maltija fuq pjattaformi internazzjonali billi joffru fondi għal proġetti ta’ traduzzjoni ta’ manuskritti bil-Malti f’lingwi oħra. L-għotjiet huma maħsuba biex ikopru t-tariffi tat-tradutturi u tar-reviżuri u jistgħu jkopru sa 100% ta’ dawn l-ispejjeż. Il-jeddijiet għat-traduzzjoni, l-istampar u l-promozzjoni mhumiex koperti mill-għotjiet.

Applikanti eliġibbli jistgħu jkunu individwi bbażati f’Malta, pubblikaturi reġistrati Malta jew pubblikaturi barranin. Kull għotja, li għandha fond massimu ta’ 5000 ewro, tista’ tingħata lil proġetti li jinvolvu t-traduzzjoni ta’ manuskritti Maltin f’oqsma differenti tal-letteratura bħal letteratura fittizja, poeżija, drama, bijografiji, kotba ta’ referenza li jiffukaw fuq kultura u arti u rumanzi grafiċi. L-għotjiet huma miftuħin ukoll għal proġetti ta’ traduzzjoni permezz ta’ surtitling u supertitling ta’ skripts ta’ drama tat-televiżjoni, skripts tal-films, skripts ta’ animazzjoni, dokumentarji kreattivi miktuba u / jew prodotti minn kumpaniji awdjoviżivi bbażati f’Malta u / jew xandar Malti. Ix-xogħol irid ikun diġà ġie mxandar.

Il-fond huwa kompetittiv u kull proposta li tissodisfa l-kriterji tal-eliġibbiltà se tkun evalwata skond kriterji stabbiliti minn bord indipendenti ta’ evalwazzjoni. Sabiex il-proċess ikun trasparenti kemm jista’ jkun, rapport iddettaljat bin-numru ta’ punti li ntgħataw lill-proġett għal kull kriterju huwa disponibbli għall-kandidat interessat wara l-pubblikazzjoni tar-riżultati.

Hemm tliet kriterji ewlenin ta’ għażla:

  1. il-kwalità tal-proġett propost
  2. Id-distribuzzjoni tal-Ktieb lil hinn minn Malta
  3. Il-ġestjoni professjonali u finanzjarja tal-proġett.

Dawk interessati japplikaw għandhom jistudjaw dawn il-kriterji fid-dettall fil-Linji Gwida tal-Fond fuq is-sit tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura. L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu mhux iktar tard mit-18 ta’ Ottubru 2017.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb iħeġġeġ bil-qawwa lill-kittieba, it-tradutturi u l-pubblikaturi kollha biex imexxu b’proġetti tat-traduzzjoni pendenti u japplikaw għall-finanzjament issa. Din hija opportunità kbira li m’għandhiex tintilef.


Share Article