Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) iffaċilita intervista ma’ Giovanni Bonello – avukat tad-drittijiet tal-bniedem, storiku u eksimħallef fi ħdan il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – wara li ngħata l-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura waqt l-edizzjoni ta’ dis-sena tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Il-ġurnalista Andrea Caruana kiteb artiklu dwar ħajtu u xogħlu, li ġie mitbugħ fuq The Malta Independent tal-Ħadd.

Giovanni Bonello kien innominat unanimament mill-bord tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-bord tal-aġġudikazzjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2024 biex jingħata dan il-ġieħ. Il-premju jweġġaħ lil Bonello għall-kontribuzzjonijiet numerużi tiegħu għal-letteratura Maltija – b’total ta’ 35 ktieb – li jkopru firxa ta’ suġġetti, mill-arti u l-istorja sal-liġi kostituzzjonali. Ħames pubblikazzjonijiet minn dawn rebbħuh il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb matul is-snin. 

Il-pubblikazzjonijiet tiegħu jinkludu s-serje magħrufa u voluminuża Histories of Malta, li aċċertat ir-reputazzjoni tiegħu bħala awtur tal-‘mikro-Storja’. Dan għaliex Bonello jħares lejn epoki storiċi importanti minn isfel għal fuq biex b’hekk ipinġi stampa ta’ Malta li taqbad l-esperjenza mgħixa tal-poplu mill-perspettiva tal-abitanti subalterni. Fil-ġabra ta’ esejs Misunderstanding the Constitution (2018), oriġinarjament ippubblikata minn Times of Malta, Bonello juża t-tnax-il sena t’esperjenza tiegħu bħala mħallef fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (1998–2010) biex jikkritika r-rekord ta’ Malta fejn jidħlu d-drittijiet tal-bniedem. F’antoloġija aktar reċenti, Blaming it on Eve (2024), Bonello jindirizza n-nuqqas ta’ bilanċ fil-ġeneru fl-istorjografija billi jpoġġi l-esperjenzi ta’ protagonisti femminili sinjifikanti fiċ-ċentru tal-istorja mżewqa ta’ Malta.

Bonello huwa Kavallier tal-Ordni Militari Sovrana ta’ Malta u Kumpann tal-Ordni Nazzjonali tal-Meritu. 

Il-Kunsilll Nazzjonali tal-Ktieb bi pjaċir kbir iweġġaħ lil Giovanni Bonello wara ħajja ta’ dedikazzjoni biex jagħni l-letteratura u l-kultura Maltija. Xogħlu ħalla marka indelibbli fuq il-kuntest storiku u letterarju Malti billi pprovda perspettivi mirquma fuq il-passat tan-nazzjon filwaqt li semma’ leħnu favur id-drittijiet tal-bniedem u l-ġustizzja. 

Hekk kif il-KNK iħares ’il quddiem lejn il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2025 mill-5 sad-9 ta’ Novembru, fejn bħal kull sena se jintwera dokumentarju fuq il-ħajja u l-legat tar-rebbieħ ta’ dan il-premju prestiġġjuż, nistiednu lill-qarrejja biex jiskopru l-biblijografija ta’ Bonello, li kulma tmur tkompli tispira u teduka lil ġenerazzjonijiet ta’ Maltin. Il-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura jikkonferma li l-KNK kommess biex jibqa’ jiċċelebra figuri letterarji kbar Maltin filwaqt li jaċċerta li l-kontribuzzjonijiet tagħhom ikomplu jservu ta’ pedament sod għall-wirt kulturali tagħna. 

Tista’ taqra l-intervista fl-intier tagħha fuq The Malta Independent hawnhekk.


Share Article