Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi pjaċir iħabbar il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2018, l-edizzjoni l-ġdida tal-aktar ċelebrazzjoni tal-ktieb prominenti u prestiġjuża tas-sena, li ser iseħħ fid-Dar il-Mediterran (MCC), il-Belt Valletta, mill-Erbgħa 7 ta’ Novembru sal-Ħadd 11 ta’ Novembru. Il-poster għall-Festival huwa x-xogħol tal-artista viżiva u illustratriċi magħrufa Lisa Falzon, li wkoll ipproduċiet l-artwork għall-Festival tas-sena li għaddiet.

Il-programm sħiħ se jiġi ppubblikat fit-tieni ġimgħa ta’ Settembru u aktar tard se jiġi mqassam f’forma stampata fid-djar kollha f’Malta u Għawdex.

Bħas-soltu, il-Festival se jiftaħ b’konferenza, li din is-sena se tkun imsejsa fuq it-tema tal-Letteratura u d-Dijaspora u se tkun immexxija minn numru ta’ awturi barranin u lokali, fosthom Lou Drofenik, il-kittieba Malti-Awstraljanja li s-sena li għaddiet rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2017 bir-rumanz The Confectioner’s Daughter. L-awturi barranin li se jieħdu sehem fil-konferenza huma Philip O’Ceallaigh, Vera Duarte u Nikola Petkovic.

Fil-ġranet ta’ matul il-ġimgħa filgħodu il-Festival ser jilqa’ żjajjar tal-iskejjel u programm speċjali ta’ attivitajiet kulturali u divertenti ġie mħejji għal dawn iż-żjajjar, inklużi drammi, attivitajiet ta’ qari u laqgħat ma’ kittieba. The Malta School of Music, The Malta Arts School and the Malta Drama and Dance school se jikkontribwixxu wkoll għall-attivitajiet ta’ filgħodu b’prestazzjonijiet imsejsa fuq temi letterarji u b’installazzjoni artistika.

Fost l-innovazzjonijiet tal-edizzjoni ta’ dis-sena, se jkun hemm ukoll prestazzjoni mid-duo Danusan u l-biljetti għal dan l-avveniment jistgħu jinfdew bħala vouchers għall-kotba li ser ikunu għall-bejgħ fis-swali tal-MCC matul il-Festival. Il-biljetti se jkunu disponibbli għall-bejgħ fuq is-sit tal-MCC fl-ewwel ġimgħa ta’ Settembru. Innovazzjoni importanti oħra għas-sena 2018  hija l-estensjoni tal-ispazju għall-esebituri: l-edizzjoni ta’ dis-sena se tinkludi sala oħra għall-esibituri u estensjoni tal-activity areas għall-bosta preżentazzjonijiet ta’ kotba, diskussjoni, tnedijiet u attivitajiet kulturali li se jsiru. Aktar tard ser insemmu ukoll l-isem ta’ awtur internazzjonali magħruf li ser ikun il-mistieden speċjali ta’ dis-sena.

Il-membri tal-pubbliku huma mħeġġa jsegwu l-paġna tal-FB tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal aktar aġġornamenti dwar il-Festival fuq https://www.facebook.com/NationalBookCouncil/.


Share Article