Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2021 – Il-Ħanut tal-Kotba jiftaħ għall-pubbliku minn għada, l-Erbgħa 3 ta’ Novembru, bi programm ta’ avvenimenti varjat li jinkludi l-parteċipazzjoni ta’ 40 esebitur. Wara l-edizzjoni virtwali tas-sena l-oħra, il-Festival reġa’ lura b’mod fiżiku filwaqt li xorta waħda żamm element online. Fil-fatt illejla se tixxandar online ukoll iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet tal-Premju Terramaxka għat-tfal u l-adolexxenti, li fl-istess ħin tkun għaddejja b’mod fiżiku mill-MFCC. Tista’ ssegwi ċ-ċerimonja mis-sit tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jew mill-paġna tal-Facebook tiegħu.

Il-programm tal-attivitajiet fih aktar minn 70 attività u avvenimenti tajbin għal udjenzi ta’ kull età, fosthom tnedijiet u preżentazzjonijiet ta’ kotba, laqgħat mal-awturi, gruppi ta’ ħidma u diskussjonijiet, kif ukoll damma ta’ attivitajiet għat-tfal. Fost il-mistiedna internazzjonali tal-Festival insibu lill-awtur ċelebri Skoċċiż ta’ Trainspotting, Irvine Welsh. Welsh se jkun qed jipparteċipa f’żewġ attivitajiet – intervista ras imb ras ma’ Wayne Flask, u skambju ma’ Immanuel Mifsud immoderat minn Mark Vella.

Hemm ħerqa wkoll sabiex il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb jerġa’ jibda jilqa’ ż-żjajjar tat-tfal tal-iskola. Ġew irreġistrati madwar 10,000 student mill-għalliema tagħhom, kemm biex jiġu fiżikament il-Festival jew biex isegwu programm online ikkurat apposta u bbażat fuq kotba rebbieħa tal-Premju Terramaxka mill-passat. Kull student irreġistrat se jirċievi vawċer ta’ €5 li jista’ jissarraf mill-ħwienet tal-kotba mill-Festival jew mis-siti tagħhom.

Sabiex ikunu jistgħu jiġu mħarsa l-protokolli tas-saħħa, il-Festival se jseħħ f’żewġ bnadi distinti – naħa fejn se jkun hemm miġbura l-esebituri kollha, u oħra fejn se jseħħu l-attivitajiet kollha tal-programm tal-attivitajiet. Dawk li jiġu n-naħa ta’ fejn hemm il-ħwienet tal-kotba titteħdilhom it-temperatura mal-bieb u trid tintlibes il-maskla l-ħin kollu. Biex tattendi din in-naħa la hemm bżonn tippreżenta ċertifikat tat-tilqima u lanqas test tal-PCR. M’hemmx għalfejn tirreġistra biex tattendi hawnhekk.

Min-naħa l-oħra trid tirreġistra minn qabel biex tattendi kwalunkwè attività li hemm fil-programm – fil-programm li hemm online issib kull informazzjoni biex tirreġistra. Biex tidħol f’xi attività trid tippreżenta ċertifikat tat-tilqima, ħlief għall-attivitajiet tat-tfal fejn lanqas il-kbar li jakkumpanjawhom m’għandhom għalfejn juru ċ-ċertifikat.

Għal aktar informazzjoni żur is-sit tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2021 – Il-Ħanut tal-Kotba jew is-sit tal-KNK.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb – Il-Ħanut tal-Kotba se jseħħ mill-Erbgħa 3 sal-Ħadd 7 ta’ Novembru skont dawn l-orarji: l-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa mid-9am sas-1pm u mill-5:30pm sad-9:30pm; is-Sibt mid-9:30am sal-10:30pm, u l-Ħadd mit-8:30am sat-8pm.


Share Article