Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) iħabbar bi pjaċir li dis-sena l-ispazju mittieħed mill-esebituri għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb huwa l-akbar li qatt kien hemm fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konferenzi, l-MFCC, Ta’ Qali.

B’aktar minn 40 esebitur fl-edizzjoni ta’ dis-sena f’Novembru li ġej, se jkun hemm rekord ta’ 1,800 metru kwadru bl-istands, żieda fuq l-1,668 metru kwadru tas-sena l-oħra, u fuq l-1,200 metru kwadru tal-2022. L-istands personalizzati se jagħtu karattru lill-avveniment, filwaqt li l-Pjazza se tirritorna b’1,600 metru kwadru ddedikati għall-udjenza biex tirrilassa, issib iċ-ċans tqalleb fil-kotba mixtrija, jew sempliċiment tieħu pawża mill-avvenimenti u l-pubblikaturi li joktru f’dan l-aktar avveniment letterarju prestiġġjuż f’Malta.

“Fi żminijiet bħal dawn importanti ferm li fi kwalunkwe post fejn jinbiegħu l-kotba l-esperjenza għall-viżitaturi tkun waħda impekkabbli. Il-kultura tal-kotba tgħix f’kalendarju kulturali Malti vibranti, u f’kompetizzjoni ma’ għadd ta’ mezzi medjali oħra, u allura jeħtiġilha taddatta. F’dar-rigward, il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb qiegħed jixpruna dat-tip ta’ raġunament”, enfasizza l-Kap Eżekuttiv tal-KNK, Mark Camilleri, filwaqt li rrimarka li l-Festival Nazzjonali ta-Ktieb mhuwiex biss l-aktar avveniment popolari relatat mal-kotba, iżda anki wieħed li jattira familji sħaħ lejh.

“Għalhekk, kburin inħabbru li bosta esebituri għażlu stands personalizzati, li se jġibu magħhom l-uniċità u l-individwalità li jagħnu lid-dehra u l-esperjenza tal-Festival”, qal Camilleri, filwaqt li nnota li l-varjetà tal-esebituri u l-parteċipazzjoni tagħhom jirfdu t-tema ta’ dis-sena, #dinjietjirrimaw – ċelebrazzjoni tad-diversità u l-għana tal-kelma miktuba.

Il-biċċa l-kbira tal-esebituri huma pubblikaturi u bejjiegħa tal-kotba, iżda hemm numru ta’ NGOs u kittieba awtoppubblikati, kif ukoll organizzazzjonijiet jew entitajiet relatatati mal-promozzjoni tal-kotba u tal-kultura, fosthom korpi diplomatiċi.

Numru ta’ esebituri se jkunu qed jorganizzaw l-attivitajiet, kemm fuq l-istand tagħhom jew f’xi waħda mill-imkejjen għall-attivitajiet. Dawn l-attivitajiet jiżdiedu ma’ dawk organizzati mill-KNK, u flimkien jagħtu dewqa tax-xena tal-kotba f’Malta. Fost l-oħrajn, fil-programm tal-attivitajiet wieħed jista’ jsib tnedijiet u preżentazzjonijiet ta’ kotba, diskussjonijiet tematiċi, seminars, u attivitajiet ta’ gost magħmula apposta għat-tfal u l-familji.

Id-dimensjoni dinjija ssaħħet dis-sena, bil-parteċipazzjoni ta’ entitajiet bħaċ-Ċentru Kulturali Ċiniż u l-Ambaxxata Spanjola, kif ukoll l-Istitut Kulturali Taljan u l-German-Maltese Circle li qed jerġgħu jipparteċipaw.

Hemm għadd ta’ parteċipanti ġodda dis-sena, li juri wkoll li l-Festival jibqa’ attraenti għall-imsieħba fl-industrija tal-kotba Maltija.

Il-KNK ħadem ma’ bosta esebituri dis-sena sabiex dan l-avveniment nazzjonali jkun jista’ jipprovdi pjattaforma b’saħħitha għall-professjonisti tal-pubblikazzjoni u jilħaq aktar nies. Ngħidu aħna b’ħidma mal-Kunsill Malti għall-Arti se titnieda għat-tielet darba konsekuttiva l-esebizzjoni From Illustration to Book, li hija wirja tax-xogħlijiet ta’ illustraturi Maltin u internazzjonali. L-esebizzjoni miftuħa għal kulħadd b’xejn. Se jerġa’ jkun hemm il-Kamra Sensorja, addattata għal individwu fuq l-ispettru tal-awtiżmu jew għal tfal li tkun aħjar għalihom il-kalma ta’ dan l-ambjent milli l-ġenn tal-Festival. Inspire Malta se tkun qed tieħu ħsieb dil-kamra u torganizza attivitajiet għat-tfal, filwaqt li l-APS se jwieżen l-armar tagħha. L-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma se tirritorna b’damma ta’ attivitajiet għat-tfal li jiffukaw fuq l-effiċjenza enerġetika, kif ukoll se tkun qed tisponsorja wieħed mill-imkejjen għall-attivitajiet fl-MFCC.

Il-programm tal-attivitajiet għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2024 (6-10 ta’ Novembru) ikun ippubblikat fil-ġimgħat li ġejjin. Għal aktar aġġornamenti, segwi s-sit u l-Facebook tal-KNK, kif ukoll il-paġna Facebook ‘The Malta Book Festival’.

Nagħtu merħba lil dawn l-esebituri tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2024:

Esebituri/Exhibitors
Horizons
Klabb Kotba Maltin | Midsea Books
Klabb Kotba Maltin | Midsea Books – Special Prices
Faraxa Publishing
Kotba Calleja
SKS PUBLISHERS
Għaqda tal-Malti - Università
MELI bookshop
L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu
Book Distributors Ltd
Jens C. Budinger (Author)
Il-Beżżul Bieżel
University of Malta
Malta University Distributors
Heritage Malta Publishing
Merlin Publishers
MERLIN LIBRARY
China Cultural Centre in Malta
Istituto Italiano di Cultura La Valletta
BONFIRRARO EDITORE
Maltese Society for Christian Civilisation - Pro Malta Christiana
Embassy of Spain
Little Humane Books
German-Maltese Circle/Department of German, UM
The French Corner
Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta
Delicon Books
Kite Group
Malta Libraries
Wirt Iż-Żejtun
Mellieħa Local Council
Librerija Preca
Inanna Publishers
Service Dogs Malta Foundation
Bookends
uXBT ltd
Fondazzjoni Sagħtar
MaltaOnlineBookshop
International Human Rights Art Movement
Wikimedia Community Malta
Pandora Books
Agenda Bookshop
Inspire Malta
Arts Council Malta

Share Article