Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) bi pjaċir iħabbar id-dati tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2023, li dis-sena se jittella’ bejn l-Erbgħa 22 u l-Ġimgħa 24 ta’ Marzu fil-Kwadranglu tal-Università ta’ Malta.

Kampus Kotba jlaqqa’ taħt saqaf wieħed għadd ta’ esebituri lokali – minn pubblikaturi stabbiliti sa ħwienet tal-kotba u NGOs – għal tlitt ijiem ta’ bejgħ u xiri ta’ kotba mżewġin ma’ programm ta’ attivitajiet miftuħ għall-pubbliku ġenerali waqt li mmirat speċifikament għal dak studentesk.

It-tema speċjali ta’ din l-edizzjoni se tkun il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, u l-programm se jkun xhieda ta’ dan b’intervisti u skambji letterarji li jonoraw uħud mir-rebbieħa riċenti. Barra minn hekk ma jonqsux diskussjonijiet tematiċi attwali, ngħidu aħna dwar iċ-ChatGPT. Il-pubbliku se jkun mistieden bħala protagonist permezz ta’ workshops ta’ kitba kreattiva u illustrazzjoni, klabbs tal-kotba, u qari ta’ letteratura, bħall-Poeżija Slam, qari ta’ siltiet inediti LGBTIQ+, u s-soltu Palk Ħieles organizzat ma’ Inizjamed.

L-element kollaborattiv huwa karatteristika ta’ Kampus Kotba bħala spazju li jippromwovi l-iskambju tal-ideat bejn l-istudenti, l-għalliema, u l-professjonisti mill-qasam tal-pubblikazzjoni. Dis-sena l-KNK ħadem ma’ għaqdiet studenteski, dipartimenti universitarji, għaqdiet mhux governattivi, u entitajiet oħra sabiex ifassal il-Festival u l-attivitajiet, fosthom THINK Magazine, il-Kunsill Malti għall-Arti, l-Għaqda tal-Malti – Università, id-Dipartiment tal-Ingliż, id-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali, Islanders’ Book Club u LGBTI+ Gozo.

Il-programm tal-attivitajiet ikun ippubblikat fil-jiem li ġejjin. Xi attivitajiet trid tirreġistra għalihom. Għal aktar dettalji żuru www.ktieb.org.mt jew il-paġna ta’ Facebook tal-KNK. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma l-Erbgħa u l-Ħamis bejn id-9am u l-4pm, u l-Ġimgħa bejn id-9am u s-7pm.


Share Article