Frar kien xahar impenjattiv għall-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, hekk kif żar il-Kajr darbtejn għall-Fiera tal-Ktieb u għal-Festival tal-Letteratura għal avvenimenti ewlenin relatati mal-ktieb u l-letteratura, flimkien ma’ 4 kittieba Maltin li rebħu xi premju jew ieħor tal-KNK fil-passat.

Leanne Ellul, Clare Azzopardi, Immanuel Mifsud u Alex Vella Gera kollha kellhom kotba ppubblikati fl-ilsien Għarbi, u flimkien ma’ rappreżentant tal-KNK attendew il-Fiera tal-Ktieb fil-Kajr u l-Festival tal-Letteratura fil-Kajr f’okkażjonijiet separati.

Leanne Ellul attendiet il-Fiera tal-Ktieb fil-Kajr, waħda mill-akbar fieri tal-kotba fir-reġjun Għarbi, fejn nediet il-ktieb tagħha Gramma, ippubblikat bil-Għarbi minn Manshurat al-Rabie. Leanne tat xi intervisti lil stazzjonijiet tat-TV Eġizzjan dwar il-ktieb u l-Letteratura Maltija, u ffirmat il-kotba lil dawk preżenti.

Aktar tard fl-istess xahar, il-KNK żar il-Festival tal-Letteratura fil-Kajr ma’ Clare Azzopardi, Immanuel Mifsud u Alex Vella Gera. Dawn it-tliet kittieba ipparteċipaw waqt il-festival f’attivitajiet ippreparati apposta għalihom f’żewġ iljieli partikulari.

Fl-ewwel lejla, il-kittieba tkellmu b’mod separat dwar ix-xogħlijiet tagħhom ippubblikati bil-Għarbi, kif ukoll iffirmaw xi kotba. Kulħadd Ħalla Isem Warajh ta’ Clare Azzopardi ġie ppubblikat bil-Għarbi minn Sefsafa Culture and Publishing; Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben) ta’ Immanuel Mifsud ġie ppubblikat minn Masr el-Arabia, wara li dan diġà ppubblika bil-Għarbi Jutta Heim; Alex Vella Gera tkellem dwar Trojan, ippubblikat bil-Għarbi minn Dar Mahrousa.

Fit-tieni lejla, il-kittieba Maltin flimkien tkellmu dwar il-Letteratura Maltija, u ġew intervistati mill-poeta u l-għalliem Abdelrehim Youssef dwar il-konnessjoni lingwistika u letterarja mad-dinja Għarbija.

Barra minn hekk, dawn il-mawriet servew biex kemm il-KNK kif ukoll il-kittieba jwessgħu l-kuntatti professjonali tagħhom, jiltaqgħu u jaqsmu l-ideat ma’ persuni oħra fil-qasam letterarju u tal-pubblikazzjoni.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed jagħmel ħiltu biex jippromwovi l-letteratura Maltija lil hinn minn xtutna billi jaġixxi bħala aġent letterarju u pont bejn il-kittieb u l-pubblikaturi barranin, biex b’hekk joħloq opportunitajiet ta’ esportazzjoni letterarja.

Uħud mir-ritratti: Abdallah Ice.


Share Article