Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ktieb u d-Drittijiet u Jum il-Libreriji 2020, il-Kunsill Nazzjonali tal-Kteb ingħaqad ma’ Lovin Malta għall-promozzjoni tal-qari ta’ kotba Maltin. Jon Mallia u Rachelle Deguara huma l-protagonisti ta’ filmat daqsxejn fuq tiegħu dwar il-benefiċċju tal-qari u l-kotba favoriti tagħhom.

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ktieb u d-Drittijiet u Jum il-Libreriji 2020, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ġabar ammont rekord ta’ kotba li se jingħataw donazzjoni lil Malta Libraries, li jinkludu xogħlijiet oriġinali u tradotti għat-tfal u ż-żgħażagħ; kotba ta’ poeżija għat-tfal; u kotba akkademiċi, ta’ natura storjografika, bijografika u riċerka ġenerali. Dal-kotba huma għażla tal-aħjar kotba ppubblikati minn djar tal-pubblikazzjoni Maltin fosthom rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2019. Fil-ġimgħat li ġejjin isibu ruħhom fuq l-ixkafef tal-libreriji ta’ Malta u Għawdex, ladarba dawn jerġgħu jiftħu għall-pubbliku.

L-irwol tal-KNK huwa essenzjali għall-industrija tal-kotba, u l-għan hu dejjem li tiġi inkuraġġita kultura ta’ qari fost il-poplu, speċjalment iż-żgħar. It-twemmin hu li aktar ma jkun hemm użu tal-libreriji u l-ħwienet tal-kotba lokali akbar ikun il-ġid għas-soċjetà.

Hemm aktar donazzjonijiet ippjanati dis-sena lil Malta Libraries, skejjel u organizzazzjonijiet varji.

Nawgurawlkom Jum Dinji tal-Ktieb mimli qari! Ħudu ħsieb saħħitkom, #oqgħodġewwa u #aqraktieb.


Share Article