Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi pjaċir qed iħabbar li l-mistieden internazzjonali għall-edizzjoni ta’ dis-sena tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb huwa l-kittieb ta’ fama mondjali Irvine Welsh. Magħruf l-aktar għar-rappreżentazzjoni tal-kultura Skoċċiża, b’tip ta’ kitba oskura u b’realiżmu li ma jemmnx bi skrupli u lanqas b’kompromessi, Welsh influwenza sewwa l-letteratura kontemporanja, u huwa ikona tas-snin disgħin.

Irvine Welsh kiseb il-popolarità tiegħu meta ppubblika Trainspotting fl-1993. Ir-rumanz ma daħalx mal-finalisti tal-Booker Prize wara li offenda s-sensibbiltà ta’ żewġ aġġudikaturi nisa. Minkejja din ir-reazzjoni mill-kritiċi letterarji, ir-rumanz irċieva riċensjonijiet pożittivi daqskemm uħud ta’ stmerrija – tradizzjoni li baqgħet mal-kitba ta’ Welsh sal-ġurnata tal-lum. Fl-1995 Welsh telaq l-impjieg professjonali tiegħu, sakemm kompla jikber fil-fama meta r-rumanz ġie adattat għal film fl-1996 mid-direttur Danny Boyle. Welsh magħruf għar-rappreżentazzjoni brutali tal-ħajja f’Edinburgu, id-djalett skjett Skoċċiż, l-użu tad-droga u l-kultura tar-rave. Wara Trainspotting kompla jikteb u jippubblika b’mod prolifiku, u baqa’ figura kontroversjali tant li r-rumanzi, il-kitbiet teatrali u x-xenografiji, u n-novelli tiegħu irriżultaw diffiċli għall-kritiċi letterarji biex jassorbuhom u jifhmuhom – diffikultà li tkattret mas-suċċess kummerċjali kontinwu tiegħu. Trainspotting biegħ kważi miljun kopja fir-Renju Unit biss u huwa fenomenu dinji.

Fosr ir-rumanzi ta’ Welsh hemm Marabou Stork Nightmares (1995), Filth (1998), Glue (2001), The Bedroom Secrets of the Master Chefs (2006), Crime (2008), The Sex Lives of Siamese Twins (2014), A Decent Ride (2015), kif ukoll is-serje ta’ Mark Renton li tiffoka fuq il-karattri ta’ Trainspotting, fosthom Porno (2002) u Skagboys (2012). Reċentement Welsh reġa’ żar dis-serje bil-pubblikazzjoni tar-rumanz Dead Men’s Trousers (2018) li jagħlaqha. Dan l-aħħar ukoll mess maċ-ċinema u huwa msieħeb f’żewġ kumpaniji ta’ produzzjoni tal-films.

Waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb Welsh se jkun qiegħed jipparteċipa f’żewġ attivitajiet. Waħda minnhom hija intervista dwar ħajtu u xogħlijietu li se ssirlu mill-awtur, drammaturgu, u eks ġurnalist tal-mużika Wayne Flask, li kiteb ir-rumanz Kapitali (2017). Wara l-attività se jkun jista’ jiffirma l-kotba.

Imbagħad Welsh se jingħaqad mal-poeta u l-kittieb Immanuel Mifsud f’diskussjoni dwar l-influwenza tal-istess awtur Skoċċiż fuq il-letteratura Maltija. L-attività se tkun immoderata minn Mark Vella, il-fundatur ta’ Minima Publishers li fi żmienha kienet ippubblikat ix-xogħlijiet bikrin ta’ awturi bħal Mifsud, Ġużè Stagno, u Karl Schembri fil-bidu tas-snin 2000.

Il-programm sħiħ tal-attivitajiet għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb (3-7 ta’ Novembru) ikun ippubblikat fil-ġimgħat li ġejjin. Għal aktar aġġornamenti żur dan is-sit, il-paġna tal-Facebook tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u u l-paġna tal-Facebook tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.

Krettu tar-ritratt: Pinterest


Share Article