Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ippreżenta donazzjoni mdaqqsa ta’ pubblikazzjonijiet lokali lill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS).

Dawn il-kotba se jimlew l-ixkafef tal-librerija l-ġdida taċ-Ċentru Leap fil-Belt Valletta. Din il-librerija se tkun qiegħda hemm għall-użu tan-nies fl-inħawi tal-Belt u l-Furjana li jirrikorru għas-servizzi tal-FSWS f’dan iċ-ċentru.

Fost l-oħrajn, ingħataw rumanzi, novelli, poeżiji, drammi, traduzzjonijiet, bijografiji, kotba ta’ riċerka, u kotba għal tfal ta’ kull età li rebħu l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb jew xi konkors ieħor tal-KNK fil-passat, kif ukoll kotba varji oħra. 

Kampjun mid-donazzjoni ġie ppreżentat lil Mariella Ikechi, Ħaddiema tal-Komunità, mingħand Matthew Borg, Maniġer Anzjan tal-KNK. Magħhom kien hemm Denise Farrugia, Maniġer, Maria Mercieca, Leader, u Russell John Debono, Konsulent Soċjali.

Matul is-sena l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jagħti bosta donazzjonijiet lil entitajiet differenti tal-Gvern, għaqdiet mhux governattivi (NGOs) u gruppi oħra sabiex jagħmel mezz li kull settur tas-soċjetà jkollu aċċess aħjar għall-kotba u l-qari. 

Minbarra dawn id-donazzjonijiet waħdiet, il-KNK dejjem iżomm l-appuntament ma’ Malta Libraries aktar minn darba fis-sena, meta jippreżenta ammont sostanzjali ta’ titli ġodda biex il-libreriji pubbliċi ta’ Malta u Għawdex ikunu jistgħu joffru l-aħjar u l-aktar letteratura u riċerka friska lill-poplu.


Share Article