Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) jibgħat l-għomor lill-familja u l-qraba tal-Professur Charles Briffa, li ħalliena s-Sibt li għadda.

Il-legat li ħalla warajh Prof. Briffa jitkellem waħdu, kemm bħala akkademiku u għalliem tal-letteratura Maltija, il-kritika letterarja, il-lingwistika u t-traduzzjoni, u anki bħala riċerkatur tal-lingwa u l-istudji kulturali Maltin. Żgur li l-mijiet ta’ studenti li għaddew minn taħt idejh jikkonfermaw dan.

Briffa serva bħala aġġudikant għal diversi konkorsi tal-KNK tul is-snin, kemm dawk tal-poeżija u anki tal-proża.

Rebaħ ukoll il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb ħames darbiet: fl-2000 bil-ktieb ta’ riċerka tal-Kullana Kulturali In-Novella Maltija, fl-2009 bil-ktieb ta’ riċerka Il-Letteratura Maltija: L-Istorja tan-Narrattiva, fl-2011 bit-traduzzjoni Beowulf u fl-istess sena bil-ktieb ta’ letteratura mhux fittizja għat-tfal u ż-żgħażagħ bil-ktieb Il-Lingwa, u finalment fl-2013 bil-ktieb ta’ letteratura mhux fittizja Joseph Vella Bondin: Drammaturgu.

Is-serjetà fir-riċerka u r-responsabbiltà lejn l-ilsien nazzjonali kienu kwalitajiet li jikkaratterizzaw lil Prof. Briffa, u nemmnu li se jibqa’ fanal għall-ġenerazzjonijiet preżenti u ġejjiena. 


Share Article