Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) bi pjaċir iħabbar li se jerġa’ jipparteċipa waqt il-London Book Fair 2024 (LBF), li se ssir bejn it-12 u l-14 ta’ Marzu fl-Olympia, Kensington.

Dan l-avveniment annwali jservi ta’ għodda kruċjali sabiex il-KNK jippromwovi l-letteratura Maltija fuq pjattaforma internazzjonali. Bil-parteċipazzjoni tiegħu, il-KNK jimmira li l-komunità letterarja lokali jkollha aċċess u opportunitajiet finanzjarji akbar billi jgħin fit-tlaqqigħ tal-awturi u l-pubblikaturi Maltin ma’ dawk barranin.

Bħala parti mill-pakkett tal-LBF tnedew inizjattivi varji sabiex jitwieżnu l-pubblikaturi, l-awturi u l-illustraturi minn Malta. Anki bis-saħħa ta’ inizjattivi oħra tul is-sena, il-KNK jara li jqawwi t-talent lokali u jesebixxi r-rikkezza tal-kultura letterarja Maltija fuq il-palk dinji.

L-inizjattiva tal-esportazzjoni letterarja tagħti ċans lill-pubblikaturi Maltin sabiex jesebixxu sa 5 kotba minn tagħhom f’katalgu tad-drittijiet ta’ barra li ħoloq il-KNK u li se jiddistribwixxih waqt il-fiera u f’avvenimenti internazzjonali oħra fl-2024. L-awturi tħeġġew jikkollaboraw mal-pubblikaturi tagħhom sabiex il-ktieb tagħhom jidher fil-katalgu, u dan jgħin ukoll fil-kollaborazzjonijiet globali li jaf jitwieldu minn din l-inizjattiva. Il-KNK stieden ukoll lill-illustraturi Maltin biex jissottomettu l-proposti tagħhom għal illustrazzjonijiet li jidhru fl-istand tal-KNK f’Londra, numru 6A34. Tmien illustrazzjonijiet se jkunu esebiti fuq l-istand tul il-jiem kollha tal-fiera, u għalhekk professjonisti oħra internazzjonali u l-pubbliku ġenerali se jkunu jistgħu jaraw ix-xogħol u min hu l-artist. Barra minn hekk, is-sottomissjonijiet kollha se jidhru fil-katalgu msemmi aktar ’il fuq, Literature from Malta: Foreign Rights Catalogue 2024.

Barra minn hekk, u bħala parti mill-istess inizjattiva, il-KNK offra biljetti tad-dħul b’xejn lill-pubblikaturi, il-kittieba u t-tradutturi minn Malta. B’kollox tqassmu 20 biljett fuq bażi ta’ min tkellem l-ewwel inqeda l-ewwel.

Waqt il-fiera, il-KNK se jorganizza s-seminar Beyond Island Horizon – Literary Exploration on the Global Stage Starting in Malta li fih se jitkellmu l-kittieba Rita Saliba, il-pubblikaturi mir-Renju Unit Jen Calleja u Kat Storace, u l-aġent letterarju mir-Renju Unit Simon Trewin. Id-diskussjoni se sseħħ l-Erbgħa 13 ta’ Marzu fis-2pm fl-International Markets Theatre, u se tħeġġeġ lill-udjenza taħseb dwar l-idjosinkraziji tax-xena letterarja Maltija, u fl-istess ħin tpoġġi mingħajr mistħija l-isfidi li pajjiżi żgħar bħal Malta jaffaċċjaw meta jiġu biex imexxu xogħolhom fi swieq internazzjonali.

Fittxu, sibu u żuru l-istand tal-KNK, 6A34, fil-London Book Fair f’Kensington Olympia, Londra.

Tista’ tniżżel verżjoni PDF bl-Ingliż tal-katalgu Literature from Malta – Foreign Rights Catalogue 2024 minn hawnhekk, inkella verżjoni aċċessibbli bil-mowbajl minn hawnhekk.

Disinn u Kunċett: Sarah Cachia Falzon
Illustrazzjoni: Mattie De Bono
Tipa Primarja: Hannah Grech Pirotta

Share Article