Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qed iħabbar bi pjaċir li se jibda x-xogħol fuq strateġija ta’ ħames snin li se tiggwidah bejn l-2025 u l-2030. L-abbozz tal-istrateġija sar mill-KPMG, li toffri servizzi ta’ konsulenza għan-negozji. Din l-inizjattiva għandha twitti t-triq għall-ġejjieni tal-KNK bħala protagonist  ewlieni fl-industrija tal-pubblikazzjoni Maltija, billi tassigura t-tkabbir u s-sostenibbiltà tal-imsieħba tiegħu bis-saħħa ta’ riċerka komprensiva, konsultazzjoni, u miri li kapaċi jintlaħqu.

Il-pjan hu li l-istrateġija titnieda fl-aħħar kwart tal-2024, u d-dokument li jirfidha se jkun l-ewwel wieħed tax-xorti tiegħu għall-industrija tal-pubblikazzjoni Maltija. “Il-proċess tal-iżvilupp strateġiku se jkun inklussiv, u kemm jista’ jkun se jinvolvi firxa wiesgħa ta’ msieħba bis-saħħa ta’ sondaġġi, konsultazzjonijiet u laqgħat pubbliċi”, qal il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri. Fiehem li l-ewwel laqgħat mal-KMPG saru diġà, u fihom infirex il-qafas strateġiku, fosthom il-viżjoni, il-missjoni, il-valuri u l-fusien ewlenin tal-istrateġija. “L-attitudni kollaborattiva li biha qed nersqu lejn l-istrateġija se tgħinna nisimgħu aħjar lill-ilħna diversi li jiffurmaw din l-industrija”, żied Camilleri.

Bl-applikazzjoni tal-aħjar prattiċi li wieħed jistenna f’din l-industrija, il-KNK se jkun qed jindirizza l-isfidi kurrenti kif ukoll isaħħaħ l-opportunitajiet għat-tkabbir tagħha. L-istrateġija beħsiebha tiffoka fuq bosta temi ewlenin, bħall-qalba diġitali, l-għajnuna legali, it-titjib fil-komunikazzjonijiet tal-KNK, u l-addattamenti kontinwi għat-tibdiliet tas-suq. 

Tul dal-proċess kollu, il-KPMG se tkun qed taħdem mill-qrib mal-KNK u l-imsieħba tiegħu sabiex ikunu analizzati l-viji lokali u internazzjonali tas-suq tal-pubblikazzjoni. Ikun imiss perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika sabiex nilqgħu aktar kummenti u opinjonijiet, biex b’hekk nirfinaw l-istrateġija.

Il-KNK qed iniedi wkoll l-ewwel tarġa minn din l-istrateġija għal ħames snin: sondaġġ għall-imsieħba li għandu jipprovdi l-bażi tal-gruppi ta’ ħidma li jiġu wara. L-imsieħba kollha tal-industrija tal-pubblikazzjoni mħeġġa jipparteċipaw f’das-sondaġġ, li se jitnieda llum, 17 ta’ Ġunju, u li tista’ taċċessah hawnhekk.

“M’hemmx prezz għall-parteċipazzjoni li nixtiequ naraw mill-imsieħba tagħna, għax din se tgħinna nibnu strateġija għal kulħadd li tkun mera tal-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-komunità”, kompla Camilleri. “Irridu jkollna tragwardi ċari, u rridu nersqu lejhom b’mod strutturat. B’hekk inwieżnu lill-awturi u l-pubblikaturi, inqawwu l-ekosistema letterarja Maltija, u nħeġġu l-qari”, temm jgħid Mark Camilleri.

Is-sondaġġ għandu jimtela sa mhux aktar tard mit-28 ta’ Ġunju f’nofsinhar.


Share Article