Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) għadu kif implimenta l-Politika dwar iż-Żamma tad-Dejta b’mod uffiċjali, f’kollaborazzjoni mal-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta. Dan ifisser li mil-lum ’il hemm dokumenti ewlenin li għandhom x’jaqsmu mal-KNK se jkunu disponibbli għall-pubbliku.

Il-Politika, li ġiet approvata formalment waqt żjara minn rappreżantanti tal-KNK għand l-Arkivji llum, 13 ta’ Novembru 2023, se tassigura li jinħażnu rekords kruċjali relatati mal-istorja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Dal-pass ittieħed wara diskussjonijiet fil-fond bejn iż-żewġ entitajiet megħjuna mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, li wasslu għall-awtorizzazzjoni ta’ skeda komprensiva ta’ żamma tad-dejta.

L-implimentazzjoni ta’ dil-politika tixħet dawl fuq l-impenn li hemm bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet sabiex dad-dokumenti jkunu ppreservati b’mod rispettuż. L-inizjattiva tassigura li dokumenti li għandhom valur storiku jimxu lejn l-Arkivji Nazzjonali sabiex ikunu ppreservati b’mod permanenti.

Waqt il-laqgħa, il-Kap Eżekuttiv tal-KNK, Mark Camilleri, iddeskriva l-mument bħala wieħed storiku, “Għall-ewwel darba u bis-saħħa ta’ dal-ftehim, dokumenti importanti ħafna li għandhom x’jaqsmu mal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb jew il-Fiera Internazzjonali tal-Kotba – kif kien magħruf il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb fit-tmeninijiet – se jinħażnu u jkunu aċċessibbli għal kulħadd”.

F’ġieħ l-integrità u r-relevanza, dil-politika se tkun iċċekkjata kull tant snin sa minimu ta’ darba kull ħames snin mill-pubblikazzjoni tagħha, jiġifieri llum.

Dawn iċ-ċekkjaturi jħarsu lejn ir-rilevanza tal-kategoriji li jiggwidaw il-proċess u d-dokumentazzjoni, l-aktar fid-dawl ta’ xi bidliet legali jew ta’ proċedura. Barra minn hekk, dil-politika tieħu post kull politika taż-żamma tad-dejta oħra li kienet qed topera fuq dokumenti simili.


Share Article