Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb illum ippreżenta donazzjoni mdaqqsa ta’ kotba lil Malta Libraries, l-entità fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali li tamministra l-libreriji pubbliċi kollha ta’ Malta u Għawdex u l-Bibljoteka Nazzjonali.

Din il-ħidma interministerjali ssir kull sena mill-KNK bil-għan li l-libreriji pubbliċi jkollhom disponibbli l-aktar kotba riċenti u ppubblikati lokalment. Il-kotba nxtraw mill-KNK mingħand diversi pubblikaturi lokali, kemm stabbiliti kif ukoll oħrajn ġodda fis-suq.

Id-donazzjoni tinkludi kotba ta’ finzjoni, fosthom rumanzi, novelli, poeżiji, drama, letteratura mhux fittizja, u traduzzjonijiet, kif ukoll kotba ta’ riċerka u kotba akkademiċi.

Il-kotba ġew ippreżentati mill-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri, lill-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Libraries u l-Librara Nazzjonali, Cheryl Falzon.


Share Article