Bħalma jsir kull sena, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jipprepara xi ħaġa sabiħa għal żmien il-Milied. Dis-sena ttieħdet id-deċiżjoni li jintbagħat vawċer ta’ €20 lil kull awtur li jinsab fl-iskema tal-Jeddijiet tas-Self Pubbliku (PLR), li jista’ jissarraf f’kotba tal-għażla tagħhom. Din l-inizjattiva qed issir biex jintwera apprezzament lil wieħed mill-imsieħba tal-KNK fl-industrija.

Is-sena 2020 kienet waħda diffiċli għall-industrija tal-kotba minħabba l-imxija Covid-19 u l-kriżi ekonomika li kkawżat. Madankollu s-soċjetà Maltija m’għandhiex il-kumdità tirriskja li titlef l-opportunitajiet intellettwali, kulturali u edukattivi li industrija tal-kotba b’saħħitha tiġġenera.

Għalhekk huwa vitali li nissapportjaw lill-industrija u nieħdu ħsieb li terġa’ taqbad ir-ritmu u tikber. Il-pubblikaturi diġà ħadmu ħafna dis-sena biex itejbu s-servizzi tagħhom u jiffukaw fuq il-bejgħ online. Il-KNK qed jieħu din l-okkażjoni hawnhekk biex issa jħeġġeġ lilkom u lill-pubbliku ġenerali biex tixtru l-kotba online mingħand il-pubblikaturi lokali kollha.

Hawnhekk issib ħolqa għall-ħwienet online tal-pubblikaturi lokali kollha.

Il-Milied u s-Sena t-Tajba lil kulħadd!


Share Article