Taħt id-direzzjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb qed jibqa’ joffri spazju uniku u importanti għal avvenimenti li jiċċelebraw dawk l-awturi li kkontribwixxew jew għadhom qed jikkontribwixxu għat-tisħiħ sinjifikattiv tal-patrimonju letterarju Malti. Fost il-mistiedna ewlenin waqt il-Festival dis-sena l-Kunsill se jkun qed jippreżenta lill-kittieba Loranne Vella u Dr. Lillian Sciberras. Bħalma jiġri f’kull edizzjoni, l-avvenimenti mħejjija għal dawn iż-żewġ awturi huma opportunità għall-pubbliku biex isir jaf il-ħajja u l-karriera letterarja tal-awturi, u anki jiltaqa’ magħhom.

Loranne Vella hija kittieba, traduttriċi u performer li tgħix Brussell. L-ewwel passi tagħha fil-kitba tar-rumanzi kienu l-pubblikazzjoni tat-triloġija Il-Fiddien (Merlin Publishers, 2007, 2009, 2009), miktuba ma’ Simon Bartolo u li rebħet biha darbtejn il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Loranne qalbet ukoll bosta kotba għat-tfal, bi tnejn minnhom jirbħu l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb Terramaxka fl-2015 u l-2016.

Ir-rumanz fantaxjentifiku Rokit (Merlin Publishers, 2017) ta’ Vella, rakkont dwar il-ħin, l-ispazju, l-għeruq familjari, ir-rivoluzzjoni u t-tama, ingħata l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fl-2018. Rokit huwa esperiment narrattiv fil-finzjoni ekoloġika u jesplora l-frammentazzjoni tal-Ewropa mill-perspettiva ta’ protagonist żagħżugħ li jirritorna Malta u jsib pajjiż mifluġ mill-effetti tat-tibdil fil-klima. Loranne se tkun intervistata nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Novembru fis-7pm mill-awtur Walid Nabhan dwar il-karriera multidixxiplinarja tagħha, kif ukoll dwar il-ġabra ta’ novelli li se tippubblika f’Novembru, mill-bieb ’il ġewwa. Dil-ġabra kienet adattata għal performance interdixxiplinarja li ttellgħet minn Barumbara Collective bid-direzzjoni ta’ Loranne Vella. Flimkien mal-mistiedna internazzjonali tal-Festival, Dave Rudden, Jon Courtenay Grimwood u Kali Wallace, Loranne se tkun ukoll qed tiddiskuti l-irwol tal-ġeneru letterarju tal-fantaxjenza waqt il-konferenza li tiftaħ il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, dis-sena bl-isem ta’ ‘Strange New Worlds’, l-Erbgħa 6 ta’ Novembru fis-7pm.

 

F’ħidma ma’ Malta Libraries, il-KNK se jkun qed jagħlaq il-Festival b’attività ddedikata lil Dr. Lillian Sciberras, il-Ħadd 10 ta’ Novembru fil-5pm. Dr. Sciberras, rebbieħa tal-Premju tal-KNK għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba, se tkun qed tingħaqad ma’ Olivia Borg, ir-rumanzier u drammaturgu Vincent Vella u l-Arkivist Nazzjonali Charles Farrugia għal diskussjoni dwar ix-xogħol letterarju u r-riċerka fil-Melitensja u fl-istudji tal-librerija li wettqet tul il-karriera tagħha. Fl-istess avveniment il-KNK se jkun qed jippreżenta dokumentarju qasir dwar il-karriera ta’ Lillian, dirett minn Charlie Cauchi, u wara jkun hemm sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba.

Dr. Sciberras kienet waħda mill-ewwel librara professjonali f’Malta u kkontribwixxiet estensivament għal-libreriji u l-professjoni tal-librara f’Malta. Ħafna mil-librara tal-lum jafu t-tagħlim tagħhom għal dan il-kontribut. Fl-2006 irtirat mill-pożizzjoni ta’ Lettur Anzjan fl-Istudji tal-Libreriji u Kap tad-Diviżjoni tal-Libreriji u l-Istudji fl-Informatika taċ-Ċentru għat-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni fl-Università ta’ Malta. Dr. Sciberras kisbet id-Dottorat mill-Università ta’ Londra fl-2001 b’teżi jisimha ‘Melitensia: Information Resource and National Memory’. L-interessi tar-riċerka tagħha huma primarjament l-iżvilupp bibljografiku nazzjonali u s-servizzi relatati, il-memorja nazzjonali u l-Melitensja bħala riżors nazzjonali ta’ informazzjoni u l-memorja kollettiva ta’ poplu. Hija wkoll l-awtur ta’ għadd ta’ papers akkademiċi, ngħidu aħna kontribuzzjonijiet dwar il-problemi li qed iħabbtu lill-qasam tal-bibljografija nazzjonali kurrenti fil-pajjiżi Mediterranji (1987), ‘Retrospective record conversion and shared national library functions in Malta: reflections from the edge of Europe’ (1990), u ‘National memory in Malta: the extended role of libraries’ (2004)

Min-naħa l-oħra l-kontribuzzjoni letterarja tagħha mifruxa fuq aktar minn 50 sena. L-ewwel xogħol poetiku ta’ Dr. Sciberras deher fl-1971 f’Malta: the new poetry u fl-1979 ma’ Mario Vella f’Wara r-Repubblika: versi. Il-poeżija tagħha dehret ukoll f’bosta ġabriet u antoloġiji letterarji oħra, fosthom Crosswinds: an anthology of post-war Maltese poetry (1980), miġbura minn Oliver Friggieri. L-aktar ġabra riċenti tagħha hi Klessidra: versi taż-żmien maħrub (2014), b’introduzzjoni minn Adrian Grima. L-ewwel rumanz tagħha Shadows in Penumbra (2016) u l-ewwel ġabra ta’ novelli Happenstance: Tales of Circumstance (2012) huma ppubblikati minn Horizons.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Il-festival ta’ din is-sena se jseħħ bejn is-6 u l-10 ta’ Novembru. Għal aktar tagħrif żur https://www.facebook.com/events/636677903496378/

 


Share Article