Il-mużiċist u kompożitur żgħażugħ ġdid fix-xena lokali, Noah Fabri, se jkun qiegħed idoqq waqt il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus it-Tnejn 21 ta’ Marzu fil-quadrangle tal-Università. B’mużika alterattiva għall-aħħar, Noah se jaqsam mal-udjenza kanzunetti mill-album diġitali tiegħu, li rrekordja d-dar, bl-isem The psychiatrist never called back, kollezzjoni ta’ kanzunetti li jesperimentali ħafna mill-aspett melodiku, imżewwqin b’lirika intelliġenti li tesplora temi adulti.

Noah Fabri għandu 18-il sena. Hu jdoqq il-kitarra u jistudja l-antropoloġija. Iħobb lill-Beatles u lil David Bowie, u l-mużika jazz u folk. Iħobb jaqra. Fi kliemu, iħobb jaħli l-ħin. Jista’ jkun li hu anarkista imma għadu mhux ċert. “Bdejt ngħix ta’ 17-il sena u qabel dan bdejt nikteb u ndoqq il-mużika. F’xi punt f’ħajti tgħallimt xi ħaġa. Inħobb kollox u lil kulħadd bl-istess mod.” Il-bijografija ta’ Noah tagħti ħjiel ta’ x’wieħed għandu jistenna fil-kunċert.

Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus huwa organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Għaqda tal-Malti, b’attivitajiet bejn id-9.00am sal-4.00 pm. Il-Ġimgħa l-attivtajiet jibqgħu sejrin sat-tard. Il-Festival għandu l-għan li jippromwovi l-letteratura waqt li jagħti spazju lill-pubblikaturi u lid-distributuri tal-kotba biex jippromwovu u jbigħu l-pubblikazzjonijiet tagħhom. Il-programm tal-Festival huwa varjat u joffri firxa wiesgħa ta’ avvenimenti li jolqtu l-interessi ta’ ħafna, u jinkludi tnedijiet ta’ kotba, taħditiet u films, workshops u mużika lajv.

Għal aktar tagħrif dwar dan il-kunċert u l-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus, wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb www.ktieb.org u l-paġna Facebook. Il-programm dettaljat jista’ jitniżżel minn hawn.


Share Article