Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed jirċievi s-sottomissjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2022 u l-Premju Terramaxka għat-tfal u żgħażagħ (għal kotba ppubblikati fl-2021). Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb huwa l-ogħla premju letterarju assenjat lil awturi, edituri, tradutturi, pubblikaturi u illustraturi għal kotba ppubblikati f’Malta matul is-sena ta’ qabel. Titli ppubblikati fl-2021, u sottomessi għall-Premju fi ħdan id-diversi kategoriji tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Terramaxka, se jiġu aċċettati skont damma ta’ kriterji ta’ eliġibbiltà għal kull kategorija. Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb jiġi evalwat minn bord ta’ aġġudikazzjoni indipendenti għall-eliġibilità u l-lista t-twila, liema proċess iwassal għall-pubblikazzjoni ta’ lista ta’ finalisti fis-26 ta’ Lulju. Iċ-ċerimonja tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb kif ukoll tal-Premju Terramaxka ssir fl-4 ta’ Novembru 2022.

Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb qed jilqa’ applikazzjonijiet fi tmien kategoriji għal kotba tal-adulti – Rumanzi, Novelli, Poeżiji, Drama, Letteratura mhux Fittizja, Traduzzjoni, Riċerka Ġenerali, u Riċerka Bijografika u Storjografika; u sitt kategoriji tal-Premju Terramaxka – Xogħlijiet Oriġinali għal Tfal ta’ bejn 0–7, 8–12 u Letteratura għaż-Żgħażagħ, kif ukoll Xogħlijiet Maqluba għall-Malti għal Tfal ta’ bejn 0–7, 8–12, u Letteratura għaż-Żgħażagħ. Il-kategoriji kollha miftuħa għal pubblikazzjonijiet fil-lingwa Maltija u/jew Ingliża bl-eċċezzjoni tal-kategoriji tat-traduzzjonijiet għall-Malti. Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb jagħti wkoll premjijiet speċjali għall-Aħjar Produzzjoni ta’ Ktieb bl-Isbaħ Dehra, l-Aħjar Awtur Emerġenti, il-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura, u l-Poeta Lawreat għal rebbieħa ta’ darbtejn tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-Poeżija.

Jista’ jingħata premju wieħed biss għal kull kategorija. Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb jippremja pubblikazzjonijiet li jitqiesu mill-aġġudikanti li għandhom mertu letterarju, kulturali jew akkademiku għoli. Biex ktieb jirċievi l-premju fil-kategorija rispettiva tiegħu għandu jġib daqs jew aktar minn 90% tal-marki. Ma jingħatawx premji f’kategoriji li fihom ebda ktieb finalist ma’ jilħaq dat-tragward.

Il-premjijiet f’kull kategorija tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, inklużi l-premjijiet speċjali għall-Aħjar Awtur Emerġenti, il-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura, il-Poeta Lawreat u l-Premju għall-Aħjar Produzzjoni ta’ Ktieb bl-Isbaħ Dehra, huma ta’ €4,000. L-unika eċċezzjoni hija l-premju fi flus għall-kategoriji tat-traduzzjoni tal-Premju Terramaxka, li huwa ta’ €2,000.

Ir-regolamenti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, il-formola tal-applikazzjoni u l-kriterji tal-evalwazzjoni jistgħu jiġu aċċessati fuq https://ktieb.org.mt/mt/premju-nazzjonali-tal-ktieb/

L-applikazzjonijiet fl-intier tagħhom, inkluża s-sottomissjoni tal-formola tal-applikazzjoni onlajn u l-konsenja ta’ 4 kopji tal-ktieb/kotba mdaħħla għall-kompetizzjoni, għandhom jaslu għand il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb sa mhux aktar tard mit-28 ta’ Marzu 2022 f’nofsinharjekk jogħġbok innota li l-perjodu ta’ applikazzjoni huwa iqsar minn kemm ikun is-soltu. Applikazzjonijiet tardivi ma jiġux aċċettati.

Konsenji tal-kotba jintlaqgħu fl-uffiċċji tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa mid-09:00 sal-16:30. Għal xi mistoqsijiet ibgħat email lil Michael Mercieca fuq michael.mercieca@gov.mt

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

Kumpless Bice Mizzi Vassallo

Triq Arnhem

Pembroke – PBK 1776


Share Article