Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) bi pjaċir iħabbar li l-programm tar-radju li jtella’ kull ġimgħa, Taħt il-Qoxra ppreżentat minn Rachelle Deguara, se jibda jsir b’forma u kontenut ġdid.

Taħt il-Qoxra issa daħal fir-raba’ sena tiegħu. Iltqajna ma’ għexieren ta’ kittieba lokali, tkellimna dwar temi, oqsma, u ġeneri ta’ kitba varji, u ma ddejjaqniex nistaqsu mistoqsijiet li firxu mill-informattiv sal-iskomdu. Il-progammi kollha li għamilna sa issa jipprovdu minjiera ta’ informazzjoni utli għall-ħabbieba tal-kotba, l-istudenti, u anki l-akkademiċi, u jinsabu fuq is-sit tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Mill-Ħadd 11 ta’ April il-programm se jieħu xejra oħra. Il-preżentatriċi, Rachelle Deguara, se tmexxi diskussjoni ma’ aktar minn mistieden wieħed, li mhux bilfors ikunu kittieba biss, b’format aktar miftuħ li jistrieħ fuq skambju ta’ ideat.

Il-punt tat-tluq jibqa’ l-kotba, iżda l-konverżazzjoni se tinfirex għal oqsma oħra tal-ħajja relevanti. Ladarba l-letteratura u l-kotba jitkellmu dwar l-ħajja, il-kittieb – sija jekk rumanzier, poeta, kittieb tal-memoirs u l-bqija – għandu ħafna xi jgħid u jiddiskuti ma’ persuni b’xogħlijiet jew professjonijiet oħra fis-soċjetà. 

B’hekk qed nittamaw li b’dawn l-iskambji jinxteħet dawl ġdid fuq il-kotba Maltin, jiġi ġġenerat interess minn angoli differenti fil-letteratura Maltija, u naċċentwaw jew nixprunaw il-kontribut validu tal-kittieba Maltin fi mkejjen oħra tal-ħajja.

Il-programmi l-ġodda se jibdew jixxandru diretti fuq il-Facebook tal-KNK nhar il-Ħadd fis-7.30pm bħala poddata u fuq is-sit tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Għal dawk li jippreferu r-radju, fl-istess ħin u ġurnata l-programm ikun qed jixxandar fuq Radju Malta. U għal dawk li jkunu jridu jsegwu l-programm ħin ieħor, jistgħu jsibuh fuq is-serje jisimha ‘Taħt il-Qoxra’  fil-kont ta’ Soundcloud fejn isibu wkoll il-programmi kollha l-oħra tas-sensiela l-qadima.


Share Article