Fil-Jum Dinji tal-Ktieb u d-Drittijiet tal-Awtur, u Jum il-Libreriji, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) iweġġaħ lil dawk li bis-saħħa tal-ħidma u d-dedikazzjoni tagħhom nistgħu nibqgħu nsibu dawk il-kotba favoriti tagħna kull fejn infittxuhom. Mill-idea sal-ħolqien, id-disinn u l-istampar, kull ktieb jivvjaġġa minn fażi għal oħra sakemm jispiċċa f’idejn il-qarrej. Il-KNK kburi li huwa parti importanti minn dat-traġitt bl-għajnuna li joffri lill-imsieħba fl-industrija – imsieħba li ħaqqhom ir-rikonoxximent tagħna s-sena kollha.

Il-proċess tal-ktieb mill-bidu sal-aħħar jinkludi bosta dimensjonijiet artistiċi, tekniċi u finanzjarji, u l-KNK dis-sena xtaq iwassal dan l-għarfien lill-pubbliku bis-saħħa ta’ filmat li joħodna tul dal-proċess. Għalhekk f’dan il-jum qed inniedu l-proġett ‘How a Book is Made’ bi sħab ma’ Lovin Malta. ‘How a Book is Made’ jinqasam fi tliet episodji li kull wieħed se jkun qed jiffoka fuq l-istadji differenti ta’ vjaġġ il-ktieb: il-kitba, id-disinn, l-illustrazzjoni, u l-istampar.

Fl-episodju li jiftaħ dis-serje qasira u li qed jitnieda llum, Franco Portelli minn Gutenberg Press, Glen Calleja minn Kotba Calleja, u Chris Gruppetta minn Merlin Publishers jitkellmu dwar il-produzzjoni tal-ktieb – kemm mil-lat industrijali u anki minn dak artiġjanali.

Ara l-filmat hawnhekk, u ibqa’ segwina għaż-żewġ episodji li jmiss li se jixxandru kull ġimagħtejn.

Peress li llum Malta tiċċelebra Jum il-Libreriji, il-KNK għamel donazzjoni mdaqqsa ta’ kotba lil Malta Libraries, sabiex ikun żgurat li l-libreriji pubbliċi jkunu mgħammra bl-aħjar u l-aktar kotba riċenti. Dad-donazzjonijiet jgħinu wkoll lill-awturi u l-illustraturi, li bis-saħħa tal-Iskema tal-Jeddijiet tas-Self Pubbliku jitħallsu kull darba li l-ktieb tagħhom jissellef minn dal-libreriji.

Id-dijaspora Maltija tintlaħaq ukoll b’donazzjonijiet li l-KNK jagħmel barra minn Malta. Riċentament saret donazzjoni ta’ kotba għal-librerija tal-Ambaxxata Maltija f’Ateni, li kienet tikkonsisti f’kotba fittizji u mhux fittizji u kotba ta’ riċerka bil-Malti u bl-Ingliż. Dawn il-kotba se jintużaw minn dawk li jżuru l-Ambaxxata, fosthom uffiċjali, klijenti konsulari, turisti, u l-Maltin li jgħixu l-Greċja.

Dak li beda llum jilħaq il-milja tiegħu aktar tard dis-sena waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb bejn is-6 u l-10 ta’ Novembru.

Żommu kuntatt għal aktar aġġornamenti dwar il-Festival fix-xhur li ġejjin, u intant… il-Jum Dinji tal-Ktieb u d-Drittijiet tal-Awtur, u Jum il-Libreriji t-tajjeb lil kulħadd!

Aktar informazzjoni fuq is-sit tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u s-sit Facebook tiegħu.


Share Article