Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) ippreżenta donazzjoni mdaqqsa ta’ kotba lil Malta Libraries, illum fil-Jum Dinji tal-Ktieb u d-Drittijiet tal-Awtur.

Din hija waħda minn żewġ donazzjonijiet kbar li l-KNK jagħti kull sena lil Malta Libraries, sabiex nassiguraw li l-ixkafef tal-libreriji pubbliċi ta’ Malta u Għawdex jibqa’ jkollhom l-aħjar u l-aktar kotba riċenti ppubblikati f’Malta.

Id-Direttur Eżekuttiv tal-KNK, Simona Cassano, ippreżentat għadd ta’ kotba li jvarjaw minn kotba għall-adulti u ż-żgħażagħ kemm ta’ natura fittizja, mhux fittizja u akkademika, sa kotba għat-tfal. Fost dal-kotba wieħed isib rebbieħa u finalisti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Terramaxka 2023.

Doreen Borg Zammit, Deputat Librara, laqgħet il-kotba f’isem Malta Libraries.

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ktieb u d-Drittijiet tal-Awtur, il-KNK bi pjaċir qed jaqsam l-ewwel episodju tas-serje ‘Kif Isir Ktieb’, f’ħidma ma’ Lovin Malta. F’dan il-filmat, Franco Portelli minn Gutenberg Press, Glen Calleja minn Kotba Calleja, u Chris Gruppetta minn Merlin Publishers jitkellmu dwar il-ktieb bħala prodott u l-proċess tal-produzzoni, kemm mil-lat industrijali u anki minn dak artiġjanali.

Ibqgħu segwuna għaż-żewġ episodji li jmiss, li se jkunu magħkom dalwaqt!


Share Article