Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed jinnomina r-rumanz Ir-Re Borg għall-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura f’isem Malta. Ir-rumanz huwa xogħol Aleks Farrugia, u kien ippubblikat minn SKS Publishers fl-2022.

Il-bord tan-nominazzjoni, magħmul mill-Kap Eżekuttiv tal-KNK Mark Camilleri, il-lettur u kittieb David Aloisio u l-edukatur u kittieb Noel Tanti, qablu unanimament dwar din l-għażla, u kkummentaw hekk:

“Dan-ir-rumanz huwa ritratt kontemporanju tal-idjosinkraziji taMalta bħala l-iżgħar Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Huwa xogħol letterarju li jagħti vuċi liż-żgħir qalb il-ħamba tasuper-politiċi li jipprattikaw il-politika bħala eżerċizzju tamarketing u branding.”

Mikiel Borg, magħruf bħala ‘Iċ-Chopper’, u sid ta’ ħanut żgħir tal-merċa, jidħol f’tabxa relattivament żgħira li eventwalment twasslu biex jaffaċċja l-istituzzjonijiet u l-burokrazija li tifgahom. Dan kollu jitfgħu f’sitwazzjoni xejn feliċi, sakemm tiġih l-idea li jwaqqaf partit politiku ġdid biex jisfida s-sistema bipartitika Maltija – ‘il-Partit Monarkiku Malti’.

In-narrattiva satirika ta’ Farrugia tistieden lill-qarrej jaħseb dwar kif issir il-politika f’Malta u dwar l-immaġni li jibnu madwarhom il-politiċi, iżda fl-istess ħin id-difetti ta’ Mikiel – bħala bniedem komuni – huma wkoll mirja tad-difetti ta’ poplu li, fiżikament jew le, iwasslu għal traġikummiedja.

Rappreżentant tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jkun qed jipparteċipa fil-Fiera tal-Ktieb ta’ Brussell f’April li ġej, sabiex jiddiskuti n-nominazzjoni ta’ Malta quddiem il-bord tal-aġġudikazzjoni.

B’kollox se jkun hemm 13-il pajjiż jieħu sehem f’dan iċ-ċiklu ta’ nominazzjonijiet. Wara li l-aġġudikaturi jkunu tkellmu mal-pajjiżi parteċipanti kollha – inkluż Malta – jagħżlu awtur jew awtriċi rebbieħ/a kif ukoll ħames awturi oħra li jispikkaw fuq l-oħrajn.

Il-ktieb Ir-Re Borg se jkun għall-bejgħ waqt il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus, iżda tista’ takkwistah ukoll mis-sit tal-SKS Publishers.


Share Article