Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb kellu l-ftuħ uffiċjali llum fis-7:30 ta’ filgħaxija biċ-ċerimonja ta’ premjazzjoni għall-Premju Terramaxka 2017, immexxija minn Joe Dimech. Iċ-ċerimonja saret fis-Sala Sir Temi Zammit, iċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi, il-Belt Valletta, u kienet ippreseduta mill-president eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri.

 

Camilleri fetaħ is-serata b’diskors, li fih indirizza l-kwistjoni ta’ nuqqas ta’ bejgħ fil-ħwienet tal-kotba lokali, ħaġa li sfortunatament qed iġiegħel xi ħwienet tal-kotba jinbidlu f’ħwienet ta’ stationery. Fid-diskors tiegħu, il-president tal-KNK sostna li teżisti possibbiltà oħra – it-trasformazzjoni ta’ ħwienet tal-kotba f’ċentri kulturali, fejn in-nies jiġu biex iduru l-kotba, jaqraw siltiet minnhom, u jiltaqgħu ma’ awturi f’tnidijiet ta’ kotba u okkażjonijiet oħra, kif ukoll biex jixtru kotba. F’dan is-sens, il-Festival tal-Ktieb qiegħed ikollu rwol importanti biex jagħti eżempju li l-ħwienet tal-kotba jistgħu jsegwu.

 

L-avveniment segwa b’qari minn Mingu, li s-sena li għaddiet rebaħ fil-kategorija ta’ kotba għat-tfal ta’ etajiet 0 -7. Ir-rebbieħa kienu mbagħad mħabbra fl-ordni tal-kategoriji skont l-etajiet, li jibdew minn 0-7, u jibqgħu sejrin sa 13-16.

 

Ir-rebbieħa huma elenkati hawn taħt:

Kategorija: xogħlijiet oriġinali (0-7)

Clare Azzopardi bil-ktieb Il-Qtates ta’ max-Xatt (Merlin Publishers)

Noel Tanti bil-ktieb Fil-kamra ta’ Jonas (Merlin Publishers)

 

Kategorija: xogħlijiet oriġinali (8-12)

John A Bonello bil-ktieb Irvin Vella investigatur virtwali: Il-każ tas-serqiet strambi (Merlin Publishers)

 

Kategorija: xogħlijiet oriġinali (13-16)

Antoinette Borg bil-ktieb Fittixni (Edituri Merlin)

 

Kategorija: xogħlijiet tradotti (0-7)

Leanne Ellul bil-ktieb Inħobbok (Merlin Publishers)

 

Kategorija: xogħlijiet tradotti (8-12)

Leanne Ellul u Clare Azzopardi bil-ktieb Teresa (Merlin Publishers)

 

Kategorija: premju għall-aħjar produzzjoni tal-kotba

Merlin Publishers bil-ktieb Il-Qtates ta’ max-Xatt ta’ Clare Azzopardi.

 

 


Share Article