Fetħu l-applikazzjonijiet għall-Fond Malti tal-Ktieb 2022. Il-Fond minn dis-sena żdied għal €120,000 bl-introduzzjoni ta’ għotjiet ġodda. Filwaqt li l-Fond għad għandu ż-żewġ kategoriji ewlenin ta’ għotjiet għall-pubblikazzjoni u għotjiet għat-traduzzjoni, dis-sena żdidulu żewġ għotjiet oħra – waħda għat-traduzzjoni ta’ silta minn ktieb bħala pitch u oħra għall-edizzjonijiet ġodda ta’ kotba mhux fl-istampa.
 

Fil-viżjoni tiegħu bħala aġent kulturali bi rwol progressiv li jimmira għall-iżvilupp kulturali, edukattiv, u intellettwali fis-soċjetà, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) fassal il-Fond sabiex jixpruna t-tkabbir kulturali fis-suq lokali tal-ktieb, bl-għan li jegħleb l-iżvantaġġi li jiffaċċja l-istess suq minħabba iċ-ċokon relattiv tiegħu. Dawn l-iżvantaġġi jillimitaw il-kapital disponibbli għal pubblikazzjonijiet ta’ kwalità, riċerka u żvilupp, traduzzjoni, u marketing. 

Il-KNK qed jippubblika s-sejħa għall-applikazzjonijiet għat-tmien sena konsekuttiva bil-għan li jħeġġeġ awturi, tradutturi, u pubblikaturi lokali ma jżommux lura mill-proġetti ambizzjużi tagħhom u jieħdu r-riskji finanzjarji involuti biex iwettquhom.

Il-KNK qiegħed jirċievi l-applikazzjonijiet għal erba’ tipi ta’ għotjiet: Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Kotba Ġodda; Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Edizzjonijiet Ġodda ta’ Kotba mhux fl-Istampa; Għotjiet għat-Traduzzjoni (maqsuma fiż-żewġ kategoriji: Traduzzjoni ta’ kotba Maltin u Traduzzjoni għall-Malti); u Għotjiet għat-Traduzzjoni ta’ Silta minn Ktieb bħala Pitch.

Bl-għan li twieżen il-pubblikazzjonijiet ta’ letteratura ta’ kwalità u/jew xogħlijiet ta’ riċerka, ġiet allokata s-somma totali annwali ta’ €50,000 għall-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Kotba Ġodda. Tingħata preferenza lil xogħlijiet ambizzjużi li jkollhom valur kulturali għoli u relevanza għas-suq lokali b’mod immirat, partikolarment jekk dal-proġetti jkunu qed jiffaċċjaw diffikultajiet ta’ natura kummerċjali. Il-fondi jissapportjaw applikazzjonijiet għall-pubblikazzjoni ta’ xogħlijiet oriġinali ta’ finzjoni, fosthom rumanzi, poeżija, drammi, bijografiji, letteratura mhux fittizja, u rumanzi grafiċi, kif ukoll kotba akkademiċi li jinkludu monografi, ġabriet editjati, u edizzjonijiet kritiċi. Kotba li jkun fihom biss xbihat jew kotba tal-fotografija mhumiex eliġibbli. 

L-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Edizzjonijiet Ġodda ta’ Kotba mhux fl-Istampa għandhom allokazzjoni ta’ €10,000 fis-sena, u qegħdin hemm biex iwieżnu l-pubblikazzjoni ta’ kotba tal-Melitensia fis-suq lokali. Dil-fergħa tal-Fond timmira li tnaqqas jew telimina d-defiċit li jeżisti bejn il-ħtieġa li jinqraw il-klassiċi tal-letteratura Maltija u ta’ kotba li għandhom valur kulturali, edukattiv, u intellettwali konsiderevoli u n-nuqqas tagħhom mill-ixkafef tal-ħwienet tal-kotba f’Malta. Għalhekk dal-fond jissussidja speċifikament dawn it-tip ta’ kotba li m’ilhomx mitbugħa minn tal-inqas 20 sena jew aktar mill-Fond Malti tal-Ktieb kurrenti. Fil-pakkett tal-applikazzjoni l-applikant irid jinkludi r-riċerka li għamel biex identifika d-detentur tad-drittijiet tal-awtur, pjan editorjali għal din l-edizzjoni l-ġdida u n-natura tal-proġett, u jressaq każ b’saħħtu biżżejjed l-għaliex din l-edizzjoni l-ġdida għandha ssib postha fuq l-ixkafef tal-ħwienet tal-kotba u tilħaq kemm jista’ jkun qarrejja.

Għall-Għotjiet għat-Traduzzjoni fi ħdan il-Fond Malti tal-Ktieb hemm allokata s-somma totali annwali ta’ €55,000 – €40,000 għal applikazzjonijiet għat-traduzzjoni ta’ kotba Maltin (ippubblikati bil-Malti jew bl-Ingliż u li jkollhom ISBN Malti) f’kull ilsien ieħor bil-għan li tiżdied il-viżibbiltà internazzjonali tal-kitba kreattiva u akkademika Maltija. Imbagħad €15,000 oħra se jkunu allokati għal applikazzjonijiet għal traduzzjonijiet ta’ kotba f’kull ilsien għal dak Malti, bl-għan li jitwieżnu t-tradutturi Maltin li jridu jagħtu aċċess lill-pubbliku biex jaqra bil-Malti xogħlijiet letterarji internazzjonali.

B’baġit annwali ta’ €5,000, u b’massimu ta’ €500 allokat għal kull proġett rebbieħ, l-Għotjiet għat-Traduzzjoni ta’ Silta minn Ktieb bħala Pitch iwieżnu dawn il-proġetti: it-traduzzjoni ta’ xogħlijiet Maltin ippubblikati f’Malta bil-Malti jew bl-Ingliż u b’ISBN Malti, fi kwalunkwe lingwa oħra; it-traduzzjoni ta’ xogħlijiet oriġinarjament ippublikati fi kwalunkwe lingwa oħra, lejn il-Malti; it-traduzzjoni ta’ xogħlijiet oriġinarjament ippubblikati fi kwalunkwe lingwa oħra bil-ħsieb li s-silta tradotta tintuża bħala traduzzjoni pont bl-Ingliż. L-applikant irid jiżgura li d-detentur tad-drittijiet ikun identifikabbli fil-pakkett tal-applikazzjoni, billi jinkludi ittra ta’ ftehim mal-awtur tat-test jew mad-detentur tad-drittijiet tal-awtur tat-test li se jkun tradott. Din l-identifikazzjoni trid tinkludi l-pitch innifisha.

L-Għotjiet fi ħdan il-Fond Malti tal-Ktieb isegwu l-proviżjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Ekonomiċi tal-Kittieba. Il-fondi jmorru għand dawk l-applikanti li jgħaddu minn proċess kompetittiv ta’ aġudikazzjoni. Bord indipendenti tal-aġġudikazzjoni jinħatar apposta biex jevalwa kull proġett fi proċess rigoruż li jaċċerta kemm il-valur tal-proġett kif ukoll ir-rekwiżiti finanzjarji. Il-fondi kollha mogħtija mill-Fond Malti tal-Ktieb jistgħu jiffinanzjaw sa 100% tal-proġett propost, b’għotja massima ta’ €5,000, minbarra dawk għall-Għotjiet għat-Traduzzjoni ta’ Silta minn Ktieb bħala Pitch li jingħataw sa massimu ta’ €500 għal kull proposta rebbieħa tal-Fond.

L-applikanti interessati huma mħeġġa jaqraw bir-reqqa l-Linji Gwida u r-Regolamenti tal-għotjiet rispettivi għal aktar informazzjoni dwar eliġibbiltà u l-proċess tal-evalwazzjoni qabel ma japplikaw. Il-Linji Gwida u r-Regolamenti, il-formola tal-applikazzjoni, u informazzjoni relevanti oħra jistgħu jitniżżlu mis-sit tal-Fond Malti tal-Ktieb. 

L-ordni tal-klassifikazzjoni tal-applikazzjonijiet sottomessi tiġi ppubblikata fi żmien tmien ġimgħat minn meta jagħlqu l-applikazzjonijiet.

Is-sejħa għall-applikazzjonijet tagħlaq nhar l-Erbgħa 30 ta’ Ġunju 2022 f’nofsinhar.


Share Article