Għeżież kittieba,

Huwa obbligu legali tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) li kull sena jikkonsulta mal-kittieba u l-pubblikaturi fuq il-politika tiegħu. Fl-2019 il-laqgħa konsultattiva mal-kittieba ħadet x-xejra ta’ Kungress Nazzjonali tal-Kittieba li fih ġiet approvata l-politika legali tal-Kunsill. Żewġ abbozzi legali ġew sottomessi lill-Gvern bħala riżultat: ir-riforma fuq id-drittijiet tal-awtur sabiex tiġi trasposta d-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Awtur fis-Suq Uniku Diġitali,  u n-notifika legali dwar l-awtonomija tal-KNK. F’dil-liġi pproponejna li l-Kungress jiġi rikonoxxut legalment. 

Il-laqgħa mal-pubblikaturi saret diġà, u waqt din il-laqgħa ġie deċiż li la bqajna mingħajr aċċess għal Sala Repubblika f’Dar il-Mediterran għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb,  dan ikollu jiċċaqlaq għal imkien differenti barra mill-Belt. Il-preparamenti eżekuttivi għal din iċ-ċaqliqa bdew diġà.

Din id-deċiżjoni qed tittieħed b’sogħba u b’dispjaċir, iżda m’għandna l-ebda għażla oħra sabiex nibqgħu nassiguraw li jkollna numri rekord ta’ attendenza kull sena, bħalma kellna fl-2019. Sfortunatament, din hi waħda minn sensiela ta’ deċiżjonijiet ħżiena tal-Gvern li saru mill-2019. Din is-sitwazzjoni qed tiġi ikkontestata legalment f’diversi qrati u istituzzjonijiet. 

Huwa ċar minn diċ-ċaqliqa li se jkollha ssir bil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb li l-Gvern mhuwiex jieħu deċiżjonijiet li neċessarjament huma ta’ ġid għall-industrija tal-ktieb. B’hekk, sabiex jiġi assigurat li l-Gvern ikollu entità awtonoma li taħdem b’mod sigur u trasparenti għall-iżvilupp ekonomiku tal-industrija tal-ktieb waqt li tiddefendi l-interessi tal-imsieħba tagħha, nemmen li r-rappreżentanti tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għandhom jintgħażlu mill-imsieħba tal-industrija stess. Din xi ħaġa li diġà ddikjarajt pubblikament.

L-aħjar mod sabiex il-KNK iżomm l-awtonomija tiegħu huwa billi jikkonverti l-proċess tal-għażla tiegħu bi proċess demokratiku. B’hekk, bħala Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, qed insejjaħ il-Kungress Nazzjonali tal-Kittieba fit-29 ta’ Mejju sabiex nipproponi dan il-proċess b’mod formali lill-kittieba.

Hawnhekk tista’ tara x’qed ikun propost bħala regoli għall-elezzjoni.

Il-Kungress se jkun organizzat online sabiex nassiguraw is-sigurtà u l-attendenza ta’ kulħadd anke tal-kittieba li jgħixu barra minn Malta. Tirċievu stedina fil-jiem li ġejjin.

Grazzi ħafna u tislijiet,

Mark Camilleri – Kap Eżekuttiv 

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb


Share Article