Il-manuskritt rebbieħ tal-Konkors ta’ Letteratura għaż-Żgħażagħ 2023 huwa ‘be;n il-kmiem’, li kien sottomess minn Leanne Ellul. Il-konkors jittella’ b’ħidma bejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) u Aġenzija Żgħażagħ.

It-tħabbira saret illejla waqt ċerimonja speċjali li attendew għaliha l-Ministru tal-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Innovazzjoni u Riċerka, l-Onorevoli Clifton Grima, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, l-Onorevoli Keith Azzopardi Tanti, u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, l-On. Justin Schembri.

Filwaqt li feraħ kemm lir-rebbieħa u wkoll lil dawk li pparteċipaw, il-Ministru Clifton Grima rrimarka li dan il-konkors huwa pjattaforma oħra li permezz tiegħu qed issir ħidma għat-tkattir tas-settur letterarju tal-pajjiż. Temm jgħid li “Il-lingwa ta’ pajjiżna hija rikka u rridu nkomplu nressqu ‘l quddiem aktar inizjattivi li permezz tagħhom insaħħu l-ilsien Malti. Il-ħidma tagħna trid tkompli tara li l-Maltin, mill-kbir saż-żgħir, jagħrfu japprezzaw iktar is-sbuħija tal-ilsien Malti li huwa l-akbar mezz ta’ identità ta’ poplu”.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qal li ż-żgħażagħ għandhom id-dmir li jiżguraw li jippreżervaw l-ilsien Malti permess tal-letteratura. Irrimarka li bis-saħħa ta’ dil-kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u Aġenzija Żgħażagħ, qed tiżdied id-disponibbiltà ta’ kitba Maltija għaż-żgħażagħ u l-opportunità li awturi lokalo jiktbu u jippubblikaw il-kitba tagħhom.

Dwar il-manuskritt rebbieħ, l-aġġudikanti qalu, “hemm ħafna ħsieb wara n-nisġa ta’ dan ir-rumanz. Il-kittieba għandha ħakma tajba ħafna tal-Malti u jidher li hemm ukoll l-esperjenza. Jittratta temi kurrenti b’mod kważi poetiku u frisk għall-aħħar li jirregala sens ta’ kompletezza u memorabbiltà.” Ikkummentaw ukoll dwar l-oriġinalità fl-istil u l-isperimentazzjoni, id-deskrizzjonijiet relatabbli, it-temi msemmija li ż-żgħażagħ jesperjenzjaw, u l-kapaċità tat-test li jqanqal kurżità, emozzjoni u riflessjoni fil-qarrej, fost oħrajn.

Ellul ingħatat trofew, ċertifikat u premju monetarju ta’ €1,000, kif ukoll sussidju ta’ €2,000 li se jintużaw fil-pubblikazzjoni tar-rumanz ma’ dar tal-pubblikazzjoni tal-għażla tagħha wara li tiffirma l-kuntratt tal-pubblikazzjoni.

L-organizzaturi tal-konkors irringrazzjaw lill-membri tal-ġurija, li kienu Audrey Friggieri, David Aloisio u Roberta Bajada. Il-manuskritt rebbieħ intgħażel minn fost ħames sottomisjonjiet li ġew evalwati skont damma ta’ kriterji stabbiliti, fosthom l-iżvilupp tal-istorja u l-karattri, l-oriġinalità, il-lingwa, u l-kwalità.

Waqt iċ-ċerimonja l-KNK u Aġenzija Żgħażagħ ġeddew uffiċjalment il-kollaborazzjoni tagħhom u nedew l-edizzjoni tal-Konkors għas-sena 2024, li se tkun qed tilqa’ s-sottomissjonijiet bejn it-23 ta’ Jannar u t-30 ta’ Awwissu 2024 f’nofsinhar.

L-applikazzjoni, il-kriterji u l-linji gwida jkunu aċċessibbli mis-sit tal-KNK u ta’ Aġenzija Żgħażagħ fid-data tal-ftuħ għas-sottomissjonijiet.


Share Article