Il-manuskritt rebbieħ tal-Konkors ta’ Letteratura għaż-Żgħażagħ 2024 huwa ‘KRISTALLI TAS-SILĠ’, li kien sottomess minn Kirsten Spiteri u li tħabbar waqt ċerimonja speċjali fil-Bibljoteka Nazzjonali l-Belt nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Jannar. Il-konkors jittella’ b’ħidma bejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) u Aġenzija Żgħażagħ.

Iċ-ċerimonja kienet ippreżentata mill-awtur, liriċist u preżentatur televiżiv Lon Kirkop, li hu stess kien rebaħ dal-Konkors fl-2020 bil-manuskritt Mitt Elf Isem Ieħor: HappyVeganGirlJules, li mbagħad kien ippubblikat minn Merlin Publishers.

Ir-rebbieħa tas-sena l-oħra, Leanne Ellul, qrat silta mill-manuskritt be;n il-kmiem li bħalissa jinsab fil-fażi tal-editjar, u wara kellha konverżazzjoni ma’ Kirkop li fiha tkellmu dwar l-importanza ta’ dan il-Konkors biex jixpruna aktar xogħlijiet f’dal-ġeneru letterarju. Irreferew ukoll għall-enfasi li jagħmel dal-Konkors fuq l-editjar tal-manuskritt rebbieħ. Ellul rebħet dal-Konkors darbtejn, bl-ewwel darba tkun fl-2014 bil-manuskritt Gramma.

Attendew għaċ-ċerimonja l-Ministru tal-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Innovazzjoni u Riċerka, l-Onorevoli Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, l-Onorevoli Keith Azzopardi Tanti.

Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Clifton Grima faħħar il-kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u Aġenzija Żgħażagħ li tassigura li dal-Konkors jibqa’ jittella’ sena wara sena, “Jeżisti benefiċċju dirett mill-fatt li fuq l-ixkafef tagħna jkollna aktar kotba għaż-żgħażagħ – dan ifisser li ċ-ċans huwa akbar li ż-żgħażagħ ifittxu u jsibu xi ħaġa li tappella għalihom u li twessgħalhom ix-xefaq”.

L-On. Grima rreaġixxa għall-qari minn silta tal-manuskritt ta’ Ellul – li fiha karattru jiddeskrivi u jiġġudika lill-ġirien skont id-dar u l-karozzi li għandhom – u qal li dan huwa eżempju tas-saħħa immersiva tal-finzjoni. Sostna li, “L-istorja tħeġġiġna nħarsu lil hinn minn dak li qed naqraw u naħsbu dwar x’jista’ jkun hemm wara l-grada ta’ dawn id-djar? X’tista’ timla aktar l-immaġinazzjoni tagħna?”

Enfasizza wkoll dwar l-irwol tal-Konkors fit-tisħiħ tal-lingwa Maltija, “Irridu naħdmu flimkien biex ilsienna ma jitwarrabx, u dan ifisser li rridu naħdmu biex insaħħuh. Huwa għalhekk li daħħalna miżuri u inizjattivi fl-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni li jenfasizzaw mill-ġdid l-importanza tal-Malti bħala suġġett essenzjali. Barra minn hekk, bħalissa għaddej xogħol fl-iskejjel kollha bis-saħħa tal-programm Rimonta fil-Qari”.

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti żied jgħid li l-parteċipanti tal-Konkors qishom attivisti tal-lingwa Maltija, għax b’xogħolhom jassiguraw aktar xogħol bil-Malti li jiġbed iż-żgħażagħ lejh.

Qal, ““Din l-inizjattiva tirrifletti l-impenn tagħna biex insaħħu liż-żgħażagħ permezz tal-qawwa tal-letteratura. Billi nrawmu l-imħabba għall-qari u nappoġġjaw lill-awturi Maltin, mhux biss qed nippreservaw il-lingwa unika tagħna, imma qed nispiraw lill-ġenerazzjoni li jmiss biex jesploraw orizzonti ġodda, joħolmu mingħajr limiti, u jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.”

Spiteri ngħata trofew, ċertifikat u premju monetarju ta’ €1,000, kif ukoll sussidju ta’ €3,000 li se jintużaw fil-pubblikazzjoni tar-rumanz ma’ dar tal-pubblikazzjoni tal-għażla tiegħu wara li jiffirma l-kuntratt tal-pubblikazzjoni.

L-organizzaturi tal-konkors irringrazzjaw lill-membri tal-ġurija, li kienu Josianne Block, Matthew Schembri u Glen Calleja. Il-manuskritt rebbieħ intgħażel minn fost tliet sottomisjonjiet li ġew evalwati skont damma ta’ kriterji stabbiliti, fosthom l-iżvilupp tal-istorja u l-karattri, l-oriġinalità, il-lingwa, u l-kwalità.

Waqt iċ-ċerimonja l-KNK u Aġenzija Żgħażagħ ġeddew uffiċjalment il-kollaborazzjoni tagħhom u nedew l-edizzjoni tal-Konkors għas-sena 2025, li se tkun qed tilqa’ s-sottomissjonijiet bejn il-21 ta’ Jannar u l-5 ta’ Settembru 2025 f’nofsinhar.

L-applikazzjoni, il-kriterji u l-linji gwida jkunu aċċessibbli mis-sit tal-KNK u ta’ Aġenzija Żgħażagħ fid-data tal-ftuħ għas-sottomissjonijiet.


Share Article