Ir-rebbieħa tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef tħabbru llejla waqt ċerimonja fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, ippreżentata minn Jasmine Bajada. Dis-sena kien hemm aktar minn 60 poeżija sottomessa, u dan ifisser li l-konkors jibqa’ punt ta’ referenza importanti għal spettru wiesa’ ta’ poeti Maltin.

Il-poeżija ‘ix-xnigħat taxmux u dwalijiet għammiexa’ ta’ Leanne Ellul ingħatat l-ewwel post u premju ta’ €1,000 mill-grupp ta’ ġurija li kien magħmul minn Irene Mangion, Justine Somerville u Caldon Mercieca.

Ellul tikteb kemm proża u kemm poeżija, u kitbet ukoll għat-teatru u t-televixin. Rebħet l-ewwel post fil-konkors nazzjonali tat-teatru, il-Premju Francis Ebejer, u d-dramm tagħha Ma Rridx Immur ittellgħet it-Teatru Manoel, li huwa t-Teatru Nazzjonali ta’ Malta. Kompliet biex rebħet il-Konkors ta’ Letteratura – Kitba għaż-Żgħażagħ fl-2014 bil-manuskritt Gramma. Fl-2015 Ellul tniżżlet fil-lista tal-Commonwealth Young Achievers Book, u fl-2016 rebħet il-Premju għall=Aħjar Awtur Emerġenti mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. L-Inventarju tal-Kamra l-Kaħla kien l-ewwel ktieb tagħha tal-poeżiji.

L-aġġudikanti tal-konkors iddeskrivew il-poeżija bħala waħda friska bħala forma, li tagħraf issib is-sabiħ fit-tkissir u l-qerda, u li għandha struttura li tevoka s-sens oppost, dak ta’ frammentazzjoni u nuqqas ta’ armonija. Din l-istruttura taqbel perfettament mal-vena fatalistika u ċinika tax-xogħol.

Il-poeżija ‘Penthos’ ta’ Claudia Gauci ħadet it-tieni post, u ‘RSVP’ ta’ Glen Calleja t-tielet. Iż-żewġ poeżiji għandhom tema simili – it-temma ta’ relazzjoni ta’ mħabba – bil-mod tagħhom. Huma u jikkummentaw fuq ‘Penthos’, l-aġġudikanti faħħru l-użu tal-metafora skont l-istaġuni sabiex iwasslu s-sens ta’ tmermir gradwali ta’ relazzjoni, u ‘RSVP’ ġiet deskritta bħala poeżija konċiża u diretta dwar is-sens ta’ futilità f’relazzjoni li spiċċat fix-xejn.

Waqt id-diskors tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), Mark Camilleri, esprima ottimiżmu dwar in-numru sabiħ ta’ sottomissjonijiet. Irrimarka li l-konkors kien kompetittiv sewwa, bl-ewwel 12-il poeżija kollha jġibu marki għoljin. Camilleri fakkar fl-edizzjoni tas-sajf tal-Modern Poetry in Translation tal-2023, li kienet iddedikata lill-poeżija Maltija, u saħaq li flimkien mal-parteċipazzjoni b’saħħitha fil-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef, dawn jagħtu ħjiel lejn “qawmien mill-ġdid” tal-poeżija bil-Malti.

Il-Konkors isir kull sena u jkun miftuħ għal kulħadd. Il-poeżija sottomessa trid tkun bil-Malti, oriġinali, u sa massimu ta’ 36 vers. Ix-xogħol ikun sottomess bi psewdonimu, u jkun aġġudikat anonimament. Il-KNK jirringrazzja lil dawk kollha li tefgħu xogħolhom u lill-membri tal-ġurija. L-edizzjoni li jmiss tiftaħ f’Ġunju tal-2024.

Waqt iċ-ċerimonja tal-lejla, il-poeti nominati ġew mistiedna jaqraw ix-xogħol tagħhom. Magħhom ngħaqdet ukoll Therese Pace, ir-rebbieħa tal-konkors tas-sena l-oħra bil-poeżija ‘Fuq l-Aġenda tal-Għajn ta’ Doreen’.

Ir-riżultati kollha tista’ tarahom hawnhekk.


Share Article