Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qed jippreżenta l-programm tal-attivitajiet kulturali għall-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2021, li għall-ewwel darba se jsir kollu kemm hu online bejn l-24 u s-26 ta’ Marzu.

Il-programm tħejja apposta għall-udjenza regolari ta’ dal-Festival, jiġifieri l-istudenti Universitarji u l-pubbliku, u sar f’ħidma ma’ numru ta’ dipartimenti tal-Università, għaqdiet studenteski, u pubblikaturi lokali. Kull waħda mis-17-il attività li ssib fil-programm – fosthom tnedijiet, klabbs tal-kotba, sessjoni ta’ palk ħieles, u diskussjonijiet ma’ kittieba internazzjonali u lokali – jixxandru mill-paġna tal-Facebook tal-KNK u s-sit tul it-tlitt ijiem tal-Festival.

L-għan ewlieni tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus jibqa’ li nippromwovu kull tip ta’ letteratura, Melitensia, u kotba tar-riċerka, billi nipprovdu pjattaforma lill-pubblikaturi lokali fejn ikunu jistgħu ibigħu u jippromwovu l-pubblikazzjonijiet tagħhom immirati għal udjenza postsekondarja u terzjarja. It-tmien eżebituri tal-Festival huma BDL, Horizons, Merlin Publishers, Klabb Kotba Maltin/Midsea Books, Faraxa Publishing, Kite Group, SKS u l-Għaqda tal-Malti – Università – kollha qed jippreżentaw titli ġodda u skontijiet speċjali fuq xi kotba għal waqt il-Festival jew saħansitra għax-xahar ta’ Marzu kollu. Żur il-Paġna tal-Eżebituri fil-programm online biex tara l-lista ta’ kotba rrakkomandati u l-iskont fuqhom.

Il-mistieden internazzjonali għall-Festival ta’ dis-sena huwa l-poeta u kittieb ta’ tifkiriet awtobijografiċi Mark Doty, li se jkun qed jipparteċipa f’sessjoni ta’ klabb tal-kotba ma’ studenti Universitarji mmexxija minn Dr Mario Aquilina. Is-sessjoni se tiffoka fuq il-memoir ta’ Doty Firebird (HarperCollins, 1999), u se tixxandar il-Ħamis 25 ta’ Marzu. Il-Ġimgħa 26 ta’ Marzu Doty jkun intervistat mill-Kap tad-Dipartiment tal-Ingliż l-Università, Prof. James Corby, fuq ix-xogħlijiet tiegħu, kemm fittizji u anki le. Mark Doty se jkun anki wieħed mill-qarrejja waqt il-palk ħieles organizzat f’kollaborazzjoni ma’ Inizjamed, ukoll nhar il-Ġimgħa. Mark Doty kien l-ewwel Amerikan li rebaħ il-Premju T.S. Eliot tar-Renju Unit fl-1995, u fl-2008 rebaħ in-National Book Award tal-Istati Uniti bil-ktieb Fire to Fire: New and Selected Poems (HarperCollins, 2008). Huwa l-awtur ta’ bosta ġabriet ta’ poeżija – fosthom Bethlehem in Broad Daylight (D.R. Godine, 1991), u Deep Lane (W.W. Norton, 2015) – u memoirs u kotba mhux fittizji bħal Still Life with Oysters and Lemon: On Objects and Intimacy (Beacon Press, 2000) u Dog Years (HarperCollins, 2007). Bħalissa Doty huwa Professur Distint u Direttur ta’ Writers House fl-Università ta’ Rutgers. L-aktar pubblikazzjoni riċenti tiegħu, What Is the Grass – Walt Whitman in My Life (W.W. Norton, 2020), tinseġ flimkien il-bijografiku, il-kritika u l-memoir biex tinftiehem il-viżjoni fiduċjuża immens ta’ Whitman fil-possibiltà umana.

Il-Festival dis-sena se jerġa’ jservi t’opportunità għat-tnedija ta’ kotba fittizji, traduzzjonijiet u kotba mhux fittizji ġodda. F’intervista mal-ġurnalist Kurt Sansone nhar il-25 ta’ Marzu, SKS se jniedu t-tieni volum ta’ tifkiriet awtobijografiċi ta’ Dr Alfred Sant Confessions of a European Maltese – The Middle Years 1975-1992 (2021).

Waqt intervista li se ssirlu minn Simone Inguanez, l-awtur rebbieħ ta’ Premji letterarji Stephen Lughermo se jitkellem dwar il-ġabra ġdida ta’ novelli tiegħu ppubblikata minn Horizons, Ċelel Bla Ħitan, li tinkludi l-ġrajjiet ta’ karattri li jsofru minn għeluq li ma jidhirx. Fl-24 ta’ Marzu Horizons iniedu wkoll l-edizzjoni Maltija ta’ Jim Crace, Kwarantina (Quarantine), maqluba minn Charles Flores, li se jiddiskuti mal-akkademiku x-xandar Toni Sant il-ktieb, li kien finalist tal-Booker Prize u rebaħ il-Whitbread Novel Award fl-1998. Bħala parti mis-sensiela ‘Traduzzjonijiet Faraxa’, Faraxa Publishing se jniedu Kaligula – traduzzjoni tad-dramm ta’ Albert Camus minn Toni Aquilina. Prof. Aquilina se jitkellem dwar ix-xogħol fl-24 ta’ Marzu, akkumpanjat mill-koreografija ta’ Clive u Claire Piscopo minn Theatre Lab Malta.

Bosta avvenimenti qed isiru b’ħidma bejn pubblikaturi lokali u għaqdiet studenteski. Fosthom hemm it-tnedija minn Kite Group tal-ktieb Leading Cases in Administrative Law (2021). Cristina Aquilina mill-Assoċjazzjoni tal-Istudenti tal-Liġi Ewropea (ELSA) se tintervista lil Tonio Borg fuq dil-kollezzjoni ta’ każijiet ewlenin fil-liġi amministrattiva Maltija li tkopri mitt sena ta’ każijiet li fihom il-Qorti Maltija rrivediet xi atti tal-Amministrazzjoni. BDL Books ukoll se jippreżantaw diskussjoni fuq rimedji amministrattivi legali, huma u jippreżantaw il-monografija ta’ Dr Ivan Mifsud The Ombudsman Remedy in Malta: Too Soft a Take on the Public Administration? (2020). Id-diskussjoni se tiffoka fuq l-irwol tal-Ombudsman, u r-rekord u l-effettività ta’ din l-istituzzjoni, bil-parteċipazzjoni ta’ Dr Robert Musumeci.

L-Assoċjazzjon tal-Istudenti tal-Istorja tal-Arti u l-Arti (HoASA), flimkien ma’ Midsea Books, se jippreżantaw intervista ma’ Dr Keith Sciberras dwar il-pubblikazzjoni riċenti tiegħu Mattia Preti: Life and Works (2020), li se titfa’ dawl ġdid fuq il-ħajja u x-xogħol tal-artist Barokk li ħalla impatt artistiku fuq dal-ġżejjer li ħadd qablu ma kien ħalla, u anqas wara. Fis-26 ta’ Marzu Midsea jippreżenta taħdita bejn l-editur tal-ktieb Ir-Redentur: History, Art, Cult Dr Jonathan Farrugia, u r-restawratriċi tal-istatwa ikonika tar-Redentur tal-Isla, Valentina Lupo minn Atelier del Restauro. It-taħdita se tifrex il-proċess tal-ħolqien tal-ktieb, li rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fl-2020. 

F’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Filosofija, fil-25 ta’ Marzu se tixxandar diskussjoni, immoderata minn Dr Jean Paul De Lucca, bejn Francois Zammit u Dr Enrico Panai. Panai huwa Speċjalist fl-Interazzjoni Umana mal-Informazzjoni u l-awtur ta’ Skip! The Art of Avoiding Projects. Id-diskussjoni se tindirizza mistoqsijiet relatati mal-applikazzjoni tal-filosofija fl-isfidi tal-lum, ibda mill-kitba li tidher bħala att teknoloġiku sempliċi, sal-kumplessitajiet ta’ teknoloġiji emerġenti.

L-Għaqda tal-Malti – Università, li ħdimna magħhom bosta drabi fil-Festival, ukoll se jindirizzaw l-applikazzjoni ta’ teknoloġiji diġitali waqt diskussjoni nhar l-24 ta’ Marzu bejn il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti, Dr Michael Spagnol, u Sephora Francalanza. Huma se jkunu qed jippreżentaw malti.mt, portal ġdid tar-riċerka mniedi ftit tal-jiem ilu. Fl-okkażjoni tad-90 sena mit-twelid tal-ewwel pubblikazzjoni tar-rivista tal-Għaqda, Leħen il-Malti, se jitlaqqgħu kelliema differenti li kellhom sehem f’bordijiet editorjali mill-passat, fosthom Leanne Ellul, Joseph P. Borg u Ġorġ Mallia, sabiex jintroduċu l-ħarġa nru. 40.

Kull attività tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus se tixxandar b’xejn mis-sit tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bejn l-Erbgħa 24 u l-Ġimgħa 26 ta’ Marzu.

Il-programm sħiħ tal-attivitajiet tista’ tniżżlu minn hawn. Għal aktar informazzjoni segwi l-paġna tal-Facebook tal-KNK jew is-sit (www.ktieb.org.mt)

 


Share Article