Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus jibda għada filgħodu fil-Kwadranglu tal-Università ta’ Malta. L-istudenti u l-pubbliku ġenerali qed jistenniehom programm ta’ tlitt ijiem ippakkjat b’attivitajiet letterarji bejn l-Erbgħa 23 u l-Ġimgħa 25 ta’ Marzu. Il-Festival organizzat b’ħidma ma’ pubblikaturi lokali, Dipartimenti Universitarji u għaqdiet studenteski, u jinkludi preżentazzjonijiet ta’ kotba, żjajjar il-librerija, diskussjonijiet tematiċi u intervisti bil-parteċipazzjoni ta’ kittieba u riċerkaturi lokali u internazzjonali.

Kampus Kotba se jixħet dawl fuq żewġ rebbieħa tal-Premju tal-UE għal-Letteratura (EUPL) b’numru ta’ avvenimenti b’Lara Calleja u l-mistiedna internazzjonali tal-Festival Jan Carson. L-awtriċi Irlandiża hija rebbieħa ta’ premji letterarji ewlenin, fosthom bil-ktieb The Fire Starters (Doubleday) u l-aktar xogħol riċenti tagħha The Raptures (Doubleday). Se tkun qed titkellem dwar ix-xogħlijiet letterarji tagħha ma’ Leanne Ellul l-Erbgħa fis-2pm, u aktar kmieni se tipparteċipa fi klabb tal-kotba ma’ studenti mid-Dipartiment tal-Ingliż u mmexxi minn Prof. James Corby li fih se tiddiskuti l-ġabra ta’ novelli The Last Resort (Doubleday).

Il-Ħamis f’12pm Carson tingħaqad mal-kittieba u rebbieħa tal-Premju tal-UE għal-Letteratura Lara Calleja, fejn se jaqsmu ħsibijiethom dwar l-opportunitajiet li ġew wara r-rebħ tal-Premju kif ukoll jitkellmu dwar il-kotba tagħhom f’diskussjoni mmoderata minn Robert Pisani. Dis-sessjoni se tkun ta’ interess ukoll għal dawk li jridu jsiru jafu aktar dwar l-EUPL grazzi għall-intervent ta’ Joseph Lia, Kap tal-Uffiċċju Ewropa Kreattiva f’Malta. Il-parteċipazzjoni ta’ Carson fil-Festival qed issir b’ħidma bejn il-KNK u l-Uffiċċju Ewropa Kreattiva f’Malta. Lara Calleja se tiddiskuti l-ktieb tagħha Kissirtu Kullimkien (Merlin Publishers) fi klabb tal-kotba ma’ studenti mid-Dipartiment tal-Malti u mmoderat minn Justine Sommerville.

Kampus Kotba jasal fi tmiemu l-Ġimgħa 25 ta’ Marzu bil-Palk Ħieles organizzat b’kollaborazzjoni ma’ Inizjamed u bil-parteċipazzjoni ta’ Lara Calleja. Il-Palk joffri spazju għal min irid jiġi u jesebixxi l-arti tiegħu bil-kelma.

Dis-sena l-Festival qed jilqa’ għażla akbar ta’ kotba mnejn tagħmel ix-xirja tiegħek, hekk kif se jospita l-akbar numru ta’ pubblikaturi u bejjiegħa tal-kotba li qatt kellu. Wieħed jista’ jsib rumanzi, novelli, poeżiji, letteratura mhux fittizja, drama, xogħol tradott u letteratura għaż-żgħażagħ, kif ukoll kotba ta’ riċerka u Melitensia ppubblikati lokalment u internazzjonalment. Grazzi għall-fatt li Kampus Kotba se jkollu wħud mill-aħjar pubblikaturi Maltin, indubjament huwa okkażjoni għall-istudenti u l-pubbliku sabiex jaraw x’inhu jiġi ppubblikat u fl-istess ħin jidħlu għal xi attività. L-esebituri huma Faraxa PublishingHorizons,  Kite GroupMerlin PublishersKlabb Kotba Maltin/Midsea BooksMarvellous MaltaMalta University PressMallia & D’Amato BooksellersInizjamedGħaqda tal-Malti – UniversitàMalta Libraries, u Creative Europe Desk Malta.

Il-programm tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2022 qed jittella’ b’kollaborazzjoni mal-Għaqda tal-Malti – Università, DESA (l-Assoċjazzjoni tal-Istudenti tad-Dipartiment tal-Ingliż), HoASA (l-Assoċjazzjoni tal-Istudenti tal-Istorja tal-Arti u l-Belli Art), SPS (is-Soċjetà Filosofika tal-Istudenti), Studenti Graffitti, id-Dipartiment tal-Malti, id-Dipartiment tal-Ingliż, id-Dipartiment tal-Filosofija, id-Dipartiment tat-Traduzzjoni, Terminoloġija u l-Istudji fl-Interpretar, u d-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-Università ta’ Malta.

Għal aktar informazzjoni niżżel il-Programm tal-Avvenimenti tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2022, jew żur il-paġna Facebook tal-avveniment. Tista’ wkoll iżżur ktieb.org.mt.


Share Article