Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq javża li għad fadal ġimgħa biss biex wieħed ikun jista’ jissottometti xogħlu għall-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ, jiġifieri sa nofsinhar ta’ nhar il-Ġimgħa, 7 ta’ Settembru.

Dan il-konkors, li l-għan tiegħu huwa li toktor letteratura għaż-żgħażagħ ta’ livell għoli, jsir flimkien mal-Aġenzija Żgħażagħ u issa jinsab fit-tmien edizzjoni tiegħu. Ir-rebbieħ jew rebbieħa tal-konkors, minbarra trofew u ċertifikat, jingħataw anki għotja finanzjarja ta’ €1,000. Barra minn hekk it-test rebbieħ jiġi ppubblikat minn pubblikatur tal-għażla tal-kittieb.

Fil-fatt fi ftit taż-żmien il-pubbliku se jkun jista’ jakkwista l-ktieb Stessi ta’ Matthew Schembri, li rebaħ il-konkors tal-2016. Dan hu l-aħħar minn sensiela ta’ kotba ppubblikati wara suċċess f’dan il-konkors. Il-ktieb hu ppubblikat minn Merlin Publishers.

Ir-rumanz jittratta temi bħan-narċissiżmu u l-kultura tal-istessi, billi jiżvolġi storja li ddur ma’ kamera li tibda tiġbed l-istessi waħedha.

Sadanittant, tista’ tara hawnhekk min kienu r-rebbieħa ta’ dan il-konkors fil-passat.

L-applikanti jrid ikollhom minn tal-inqas 20 sena, u t-test sottomess irid ikun oriġinali u jkollu bejn 20,000 u 25,000 kelma.

Għal tagħrif aktar iddettaljat dwar x’inhuma l-kriterji biex tapplika agħfas hawnhekk, u tista’ tniżżel l-applikazzjoni minn hawnhekk.


Share Article