Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) illum għamel donazzjoni kbira ta’ kotba lill-Faċilità ta’ Kura fit-Tul San Vinċenz de Paul (SVP f’Ħal Luqa, li se jintużaw fil-libreriji mobbli ġodda li se jkunu fil-ġnien għal persuni bid-dimensja — Ġnien ix-Xewqat Sbieħ. Ingħataw aktar minn 200 ktieb li se jimlew tliet telephone boxes sabiex jippromwovu l-effett terapewtiku tal-qari fost min juża s-servizzi tagħhom.

Dawn id-donazzjonijiet, minbarra li jgħinu sabiex il-KNK jippromwovi l-letteratura lokali, importanti għax jassiguraw li aktar setturi differenti mill-popolazzjoni jkollhom aċċess għall-kotba u l-qari. Għal din l-okkażjoni l-KNK ta kotba l-biċċa l-kbira minnhom bil-Malti — minn rumanzi sa poeżiji u kotba tal-istorja jew ta’ referenza — li se jgħinu lir-residenti biex il-memorja tagħhom tkun stimulata. Dal-kotba se jkunu qed jintużaw ukoll għal sessjonijiet terapewtiċi ta’ qari li fihom ir-residenti titqanqlilhom il-memorja.

Ġnien ix-Xewqat Sbieħ ġie inawgurat f’Mejju tal-2023 bħala ġnien terapewtiku għal persuni bid-dimensja, iddisinjat apposta bi spazji u oġġetti li jgħinuhom jiftakru aħjar u jkollhom esperjenzi sensorjali li jtejbulhom il-kwalità tal-ħajja. Dal-ġnien se jkollu mkejjen iddedikati għal sessjonijiet ta’ qari li jixegħlu t-tifkiriet mill-imgħoddi, u huwa attrezzat bi tliet telephone boxes mibnija minn impjegati fl-SVP u mqiegħda f’postijiet prominenti. Dawn tniedu llum u mtlew b’kotba li r-residenti jistgħu jużaw u anki jaqsmu mal-ħaddiema u qrabathom.

Iċ-ċerimonja saret fl-istess ġnien, u nfetħet mis Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, l-On. Dr Malcolm Paul Agius, li kkummenta dwar il-benefiċċju tal-qari għas-saħħa mentali. ll-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri, indirizza lil dawk miġbura u tkellem dwar l-importanza li l-kotba jkunu aċċessibbli anki għal komunitajiet vulnerabbli. Il-Kap Eżekuttiv tal-SVP, Mr Jorgen Souness, kien preżenti wkoll għal din iċ-ċerimonja.

Il-Faċilità qed testendi l-istedina tagħha lil awturi, pubblikaturi, u organizzazzjonijiet jew entitajiet oħra li jkunu jixtiequ jtellgħu sessjonijiet ta’ qari fi Ġnien ix-Xewqat Sbieħ, billi jibagħtu email lil customercare.svp@gov.mt jew iċemplu 22912372.


Share Article