Żewġ kotba tal-isports minn awturi Maltin se jkunu esebiti għall-Premio Invictus tal-Italja, li dis-sena se jsir nhar it-12 ta’ Settembru fil-Palazzo Cateani fil-belt ta’ Latina.

Goal ta’ Carmel Baldacchino u t-traduzzjoni L-aħħar sajf ta’ Berlin ta’ Mark Vella (mill-ktieb L’ultima estate di Berlino ta’ Federico Buffa u Paolo Frusca) ġew aċċettati għall-ħames edizzjoni ta’ dal-premju, li qed jilqa’ kotba minn madwar id-dinja għall-ewwel darba.

Waqt konferenza stampa fit-18 ta’ Ġunju f’Ruma, li fiha tħabbret il-lista tal-finalisti, is-Segretarja Ewlenija tal-Ambaxxata Maltija fl-Italja, Maria Buttigieg, irrikonoxxiet dan l-episodju bħala “unur għax konna l-ewwel pajjiż li skatta l-internazzjonalizzazzjoni ta’ dal-premju”.

Kompliet billi qalet, “Il-Ministeru għaż-Żgħażagħ ta’ Malta jaħdem ħafna sabiex ixerred il-kultura bis-saħħa tal-letteratura, u allura li nissieħbu fi premju bħalma hu l-Premio Invictus huwa importanti biex nilħqu dan l-objettiv”.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) għen fil-proċess tas-sottomissjoni ta’ daż-żewġ kotba, u ħadem mill-qrib mad-Direttorat tal-UE għall-Politika Internazzjonali u l-Iżvilupp fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, u r-Riċerka u l-Innovazzjoni. Il-KNK beħsiebu jkompli jwieżen il-parteċipazzjoni ta’ awturi lokali f’dal-premju.

Il-Kap Eżekuttiv tal-KNK, Mark Camilleri, issottolinea l-importanza li awturi Maltin jipparteċipaw f’avvenimenti bħal dawn, u saħaq li l-internazzjonalizzazzjoni tibqa’ prijorità f’xogħol il-KNK. “L-għan tagħna hu li nassiguraw li l-letteratura Maltija tkun viżibbli sewwa lil hinn minn xtutna b’riħet inizjattivi bħalma huwa l-Premio Invictus”, qal Camilleri. Filwaqt li fakkar li dan l-aspett tal-ivvjaġġar letterarju Malti se jkun wieħed mill-bastjuni li se jiggwida lill-KNK fid-dokument tal-bidu għall-istrateġija ta’ ħames snin li qed tinħema f’kollaborazzjoni mal-kumpanija ta’ konsulenza għan-negozji, il-KPMG.

Ta’ min jinnota li l-Premio Invictus se jkun wieħed mill-għodda li se jirrappreżenta lill-Italja fil-Fiera tal-Kotba fi Frankfurt, li fiha wkoll l-Italja se tkun qed tipparteċipa bħala l-mistiedna ta’ unur għal din l-edizzjoni.


Share Article