Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb issa stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-akbar avvenimenti kulturali f’Malta relatati mal-kotba u l-qari. Bi ftit aktar minn ġimgħa għall-edizzjoni ta’ dis-sena – liema edizzjoni se ssir f’post ġdid u b’żewġ bnadi differenti – hawnhekk se ssib l-informazzjoni kollha li teħtieġ sabiex tieħu li tista’ minn dawn il-ħamest ijiem ta’ ċelebrazzjoni tal-kotba, il-pubblikazzjoni, u l-qari.

Il-programm tal-attivitajiet fih aktar minn 70 attività immirati għat-tfal, familji, professjonisti fil-pubblikazzjoni u l-pubbliku ġenerali. Wieħed jista’ jsib tnedijiet u preżentazzjonijiet ta’ kotba, laqgħat mal-awturi, gruppi ta’ ħidma u diskussjonijiet tematiċi, premieres u skrinjar ta’ films, kif ukoll damma ta’ attivitajiet għat-tfal. Il-programm tal-attivitajiet qed jittella’ mill-KNK f’ħidma ma’ għadd ta’ msieħba oħra, fosthom pubblikaturi, awturi, ħwienet tal-kotba, għaqdiet studenteski, u aġenziji pubbliċi li se jipparteċipaw fil-Festival.

Miżuri tas-saħħa Covid-19

Dis-sena l-Festival se jsir iċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) Ta’ Qali, u se jkun hemm żewġ bnadi differenti – waħda fejn se jkunu miġburin l-40 esebitur fejn il-pubbliku jista’ jiġi u jixtri l-kotba, u oħra maqsuma f’4 swali differenti li fihom se jseħħu l-attivitajiet kollha li ssib fil-programm tal-attivitajiet. 

Biex tattendi fejn hemm l-istands tal-esebituri m’hemmx għalfejn jiġi ppreżentat ċertifikat tat-tilqima kontra l-Covid-19, iżda tittieħed it-temperatura mad-dħul u trid tintlibes il-maskla l-ħin kollu. 

L-attivitajiet se jseħħu fi swali differenti, kollha bil-ħruġ u d-dħul tagħhom. 

  • Ladarba trid tirreġistra minn qabel għal xi attività, ħares lejn il-Programm Kulturali għal aktar informazzjoni dwar reġistrazzjoni.
  • Biex tidħol fl-attivitajiet kollha tal-Festival trid tippreżenta ċertifikat tat-tilqima, ħlief għal dawk l-attivitajiet tat-tfal.
  • Għall-attivitajiet tat-tfal, bħal kull attività oħra tal-Festival, trid tirreġistra minn qabel, iżda m’għandux għalfejn jiġi ppreżentat ċertifikat tat-tilqima la mit-tfal u lanqas mill-adulti li jakkumpanjawhom.

Irvine Welsh u mistiedna internazzjonali oħra

Il-mistieden internazzjonali ta’ dis-sena huwa Irvine Welsh, li seraq ix-xena letterarja meta ppubblika r-rumanz Trainspotting fl-1993, li mbagħad ġie addattat għal film fl-1996 mid-direttur Danny Boyle. Trainspotting biegħ kważi miljun kopja fir-Renju Unit biss u huwa fenomenu dinji.

Welsh se jkun qiegħed jipparteċipa f’żewġ attivitajiet. Waħda minnhom hija intervista dwar ħajtu u xogħlijietu li se ssirlu mill-awtur, drammaturgu, u eks ġurnalist tal-mużika Wayne Flask, li kiteb ir-rumanz Kapitali (2017). Wara l-attività se jkun jista’ jiffirma l-kotba. Imbagħad Welsh se jingħaqad mal-poeta u l-kittieb Immanuel Mifsud f’diskussjoni dwar l-influwenza tal-istess awtur Skoċċiż fuq il-letteratura Maltija. L-attività se tkun immoderata minn Mark Vella.

Il-pubbliku għandu ċ-ċans ukoll li jiltaqa’ ma’ professjonisti oħra mid-dinja tal-pubblikazzjoni li se jipparteċipaw bħala kelliema f’xi attività li se jorganizza l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) jew l-esebituri tal-Festival. Fost l-oħrajn, il-Ġimgħa 5 ta’ Novembru fil-5:30pm se titnieda l-verżjoni Ingliża tar-rumanz ċelebri ta’ Walid Nabhan L-Eżodu taċ-Ċikonji li se tkun ippubblikata mill-pubblikatur Brittaniku Peter Owen Publishers. Is-Sibt fil-5pm il-pubbliku għandu ċ-ċans li jiltaqa’ ma’ dar tal-pubblikazzjoni oħra mir-Renju Unit – Praspar Press – imwaqqfa minn Kat Storace u Jen Calleja bbażati f’Londra, għat-tnedija ta’ żewġ kotba ta’ letteratura Maltija tradotta fl-Ingliż bil-għajnuna tal-KNK: l-antoloġija Scintillas: New Maltese Writing u l-ġabra ta’ novelli ta’ Loranne Vella What will it take for me to leave. Dakinhar ukoll fis-7:30pm jingħaqdu ma’ Kat Storace u Nick Kent, id-Direttur ta’ Peter Owen Publishers, Fatimah Abbas mid-dar tal-pubblikazzjoni mill-Eġittu Dar Noon, u Angela Arce minn Colmillo Blanco fil-Perù li se jitkellmu dwar ix-xogħlijiet Maltin li ppubblikaw bil-lingwa tagħhom u kif dawn intlaqgħu fis-suq. Biex tibbukkja għal dawn l-attivitajiet trid tagħfas fuq ‘Event Details’ u timxi mal-istruzzjonijiet.

Programm speċjali għall-qarrejja żgħar u għall-familji

Dis-sena ż-żjajjar tal-istudenti se jsiru biss fin-naħa tal-istands, madankollu xorta tħejja kwizz interattiv u edukattiv li se jintbagħat online lil kull student li jkun irreġistrat għall-Festival. L-istudenti jistgħu jiġu rreġistrati jew għal żjara fiżika l-MFCC jew biex jirċievu l-kwiz. Il-kwizz ‘Fejn Hemm il-Kotba Hemm il-Maġija’ huwa tajjeb għall-istudenti tal-primarja u tas-sekondarja, u jieħu lill-klassi fi vjaġġ ta’ mistoqsijiet li fihom niskopru wħud mill-aħjar kotba tat-tfal mill-passat u l-preżent. Il-materjal jista’ jintuża mill-edukaturi s-sena kollha fil-lezzjonijiet tal-qari u l-letteratura. Il-kwizz se jkun qed jixxandar l-Erbgħa 3, il-Ħamis 4, u l-Ġimgħa 5 ta’ Novembru online fid-9:30am. Il-KNK jixtieq ifakkar li kull student irreġistrat għall-Festival se jkun qed jirċievi wkoll il-vawċer ta’ €5 li jista’ jissarraf mingħand kull ħanut tal-kotba waqt il-Festival jew mill-ħwienet online tagħhom.

Filgħaxija jkun imiss ix-xow għall-familja kollha ‘Il-Kotba Jieħdu l-Ħajja’, li issa ndara sewwa. DANUSAN ippreparaw performance teatrali bbażata fuq il-kotba rebbieħa tal-Premju Terramaxka 2021, li jkunu għadhom kif tħabbru fil-ftuħ tal-Festival nhar it-Tlieta 2 ta’ Novembru. Dawn ix-xows se jintwerew fost il-ġimgħa fis-6:30pm u s-Sibt u l-Ħadd xow doppju ta’ siegħa ’l wieħed bejn l-4:30pm u l-5:30pm. Biex tibbukkja għal dawn l-attivitajiet trid tagħfas fuq ‘Event Details’ u timxi magħhom. Għall-ewwel darba x-xows ta’ DANUSAN huma b’xejn.

Attivitajiet oħra mtellgħin mill-KNK – lejliet ċelebrattivi, xogħol awdjoviżiv, u poeżija

Il-ħabbieba tal-poeżija jkunu qed jistennew il-Ġimgħa waqt il-Festival, speċjalment is-serata li fiha jitħabbru r-rebbieħa tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef. Is-serata tibda fis-7pm, u fiha se jkun hemm il-preżentazzjoni lir-rebbieħa u l-qari tal-poeżiji tagħhom. Dis-sena kien hemm 51 poeżija sottomessa.

Min jattendi dik is-serata jista’ jibqa’ għal oħra li fiha żgur se tissemma’ l-poeżija, u lil hinn. Fit-8:30pm tibda d-diskussjoni ‘Il-bieb dejjem imbexxaq’, immoderata mill-poeta u l-akkademika Prof. Simone Galea, li tikkommemora l-ħajja ta’ Oliver Friggieri. L-avveniment se jibda b’silta mill-performance teatrali 249: Il-Kobor u l-Umiltà ta’ Prof. Oliver Friggieri, u l-mistiedna huma Sara Brincat Friggieri, Joseph Mizzi, Joe Friggieri, u Gabriel Lia. 

‘L għada, is-Sibt 6 ta’ Novembru fid-8:45pm se tiġi ċċelebrata l-ħajja ta’ ġgant ieħor tal-letteratura lokali – Trevor Żahra. Żahra, li rebaħ il-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura, se jkun akkumpanjat minn Richard Żahra, Chris Gruppetta, u Leanne Ellul. Qabel dan l-skambju jintwera film qasir dwar Żahra, magħmul professjonalment minn Motion Blur.

L-avveniment li wieħed m’għandux jitlef huwa l-iskrinjar tal-film A Vipers’ Pit, produzzjoni ta’ Shadeena Entertainment bl-iskript ta’ Teodor Reljić. Il-film, ibbażat fuq ir-rumanz ċelebri ta’ Alex Vella Gera Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi, kien il-proġett rebbieħ tal-ewwel edizzjoni tal-Fond għall-Adattament Ċinematografiku tal-KNK, u aktar kmieni dis-sena kien premiered fl-Eden Cinemas qalb rsipons tajjeb mill-udjenza. L-iskrinjar tal-film, b’xejn, se jsir il-Ħadd 7 ta’ Novembru fil-5:30pm.

Programm sħiħ x’tiskopri

Għal din l-edizzjoni se jkun hemm in-numru rekord ta’ 40 esebitur li ħafna minnhom se jorganizzaw numru ta’ avvenimenti li jimlew il-programm tal-attivitajiet. Fosthom hemm għadd ta’ kittieba awtoppubblikati li se jkunu qed jesebixxu l-kotba tagħhom u wħud anki jorganizzaw xi avveniment. 

It-tnedijiet u l-preżentazzjonijiet tal-kotba huma attivitajiet popolari tal-Festival, b’bosta pubblikazzjonijiet ġodda minn esebituri bħal BDL, EDE Books, Faraxa Publishing, Kite Group, Horizons, Merlin Publishers, Midsea Books, Miller u Klabb Kotba Maltin. Xi preżentazzjonijiet ta’ min isemmi huma s-sitt kotba ġodda ta’ Teatru Malta, imbagħad hemm tnedijiet mill-Malta University Press, qari minn kotba rebbieħa tal-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura mtella’ mill-Creative Europe Desk Malta, u seminar dwar il-produzzjoni tal-ktieb mill-Istamperija Gutenberg.

Għal aktar informazzjoni żur il-paġna tal-Facebook Malta Book Festival 2021 – The Bookshop Edition jew is-sit tal-KNK. Minn hawnhekk tista’ tirreġistra għall-avvenimenti li jogħġbuk – idħol fid-deskrizzjoni ta’ kull avveniment biex tirreġistra.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb – Il-Ħanut tal-Kotba 2021 se jseħħ bejn l-Erbgħa 3 u l-Ħadd 7 ta’ Novembru f’dawn il-ħinijiet: l-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa mid-9am sas-1pm u mill-5:30pm sad-9:30pm, is-Sibt mid-9:30am sal-10:30pm, u l-Ħadd mit-8:30am sat-8pm.


Share Article