Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qed iħabbar bi pjaċir il-lista rekord ta’ 38 esebitur li dis-sena se jipparteċipaw waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Il-biċċa l-kbira tagħhom se jorganizzaw varjetà ta’ attivitajiet relatati mal-kotba, fosthom tnedijiet u preżentazzjonijiet ta’ kotba ta’ interess, qari, u attvitajiet oħra mmirati għal nies ta’ età differenti.

Dis-sena l-Festival se jsir iċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) f’Ta’ Qali. Il-mixja lejn dan l-akbar post f’Malta għall-konferenzi u l-esebizzjonijiet internazzjonali kienet deċiżjoni meqjusa li ttieħdet fi żmien meta l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti pubbliċi toffri sfida minħabba r-restrizzjonijiet li jistgħu jitpoġġew wara s-sajf. Barra minn hekk, did-deċiżjoni twieġeb ukoll għat-talbiet loġistiċi tal-imsieħba tal-Festival u tal-pubbliku minn snin preċedenti. L-MFCC se jipprovdi aktar flessibiltà u spazji akbar għal dan l-avveniment nazzjonali li kulma jmur jibqa’ jikber, kif ukoll joffri serħan il-moħħ lill-viżitaturi u l-esebituri għall-parkeġġ jew għal mawra sigura fuq l-istands differenti tal-Festival. B’aktar minn 8,000 metru kwadru ta’ spazju ġewwieni l-istands se jkunu akbar, il-kurituri usa’, u l-aċċessibiltà garantita. L-inħawi għall-attivitajiet ukoll aktar spazjużi u se jkunu f’post separat minn fejn se jkun hemm l-esebituri.

Il-lista tal-esebituri tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2021 fiha pubblikaturi lokali u internazzjonali, bejjiegħa tal-kotba, organizzazzjonijiet studenteski, Għaqdiet mhux Governattivi, u aġenziji pubbliċi b’rabtiet mal-industrija tal-kotba. Għall-ewwel darba fil-Festival se jkun hemm spazju ddedikat għal awturi awtoppubblikati biex jippromwovu u jbigħu l-kotba tagħhom.

Il-programm tal-attivitajiet jiżgħed b’attivitajiet differenti ppreparati għal udjenzi b’interessi u gosti differenti. Minbarra l-attivitajiet organizzati mill-KNK, l-esebituri se jorganizzaw għexieren ta’ attivitajiet għall-qarrejja ta’ kull età, mifruxin fuq ħamest ijiem. L-attivitajiet ivarjaw minn tnedijiet u preżentazzjonijiet ta’ kotba, konferenzi, gruppi ta’ ħidma, diskussjonijiet tematiċi, seminars, u attivitajiet ta’ gost għat-tfal u l-familji.

Ahmadiyya Muslim Jamaat
BDL
Bookends (Miller)
Creative Europe Desk Malta
Carmen Schembri
Daniel Schembri (Ir-rumanz Nyctophilia)
Dar tal-Pubblikazzjoni QUM
Deer Publications
Dunstan Hamilton
Ede Books / Kixott
Faraxa Publishing
Fondazzjoni Sagħtar
German-Maltese Circle / UOM - Department of German
Għaqda tal-Malti - Università
Heritage Malta Publishing / L-Akkademja tal-Malti
Horizons
Inizjamed
Istituto Italiano di Cultura La Valletta
Kite
Kiwi Publications
Klabb Kotba Maltin/Midsea
Lara Bezzina
Librerija Preca
Malta Libraries
Malta University Press
Mario Saliba
Marvellous Malts
Matthew Schembri
Mellieħa Local Council
Merlin Library
Merlin Publishers
Miller/Agenda
Narcy Calamatta
Paul Fenech Gonzi
Peter Calamatta
Reliġjon u Ħajja (ĊAK)
SKS Publishers
Teatru Malta
The Friends of the National Archives of Malta
Wirt iż-Żejtun


Il-programm sħiħ tal-attivitajiet għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb (3-7 ta’ Novembru) ikun ippubblikat fil-ġimgħat li ġejjin. Għal aktar aġġornamenti żur dan
is-sit, il-paġna tal-Facebook tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u u l-paġna tal-Facebook tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.

Minkejja li l-preparazzjonijiet għaddejjin ġmielhom, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed isegwi d-direttivi tal-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa dwar il-miġemgħat pubbliċi sabiex tiġi assigurata esperjenza kemm jista’ jkun sigura.


Share Article