Il-mużika taf toħloq l-ambjent tal-ktieb, li fil-proċess tagħti karattru lill-istess ktieb. Waqt il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus se jkun hemm sezzjoni li fiha l-pubbliku se jsib jilqgħu diversi kotba riċenti, wieħed fejn l-ieħor, u l-opportunità biex permezz ta’ QR Code jisma’ siltiet mużikali marbuta ma’ dak il-ktieb partikolari.

‘Ħsejjes Letterarji’ tressaq ħdejn xulxin il-letteratura u l-mużika, it-tnejn meqjusa bħala forom ta’ arti indipendenti. Minkejja l-indipendenza minn xulxin, it-tnejn għandhom karatteristiċi simili – it-tnejn iwasslu sensiela ta’ ħsus u ħsibijiet, it-tnejn jirriflettu l-emozzjonijiet, u t-tnejn jiddependu mir-ritmu. Minbarra dawn il-karatteristiċi simili, ħafna drabi jixorbu minn xulxin, jirkbu fuq xulxin, u kultant diffiċli tgħid fejn tibda waħda u tispiċċa l-oħra. Kultant, dan it-twaħħid ikun sottili, drabi oħra fil-wiċċ.

Għalhekk, il-pubbliku se jkun jista’ jesperjenza din ir-rabta bejn it-tnejn, igawdi l-letteratura u l-mużika, u jispekula għaliex silta mużikali partikolari hija marbuta ma’ rumanz partikolari. Ngħidu aħna, x’inhi r-rabta bejn “Non andare via” ta’ Patty Pravo mar-rumanz Frammenti ta’ Tyrone Grima, “Love Potion number 9” ta’ The Searchers ma’ Vespri ta’ Trevor Żahra, jew “Morire” ta’ Giovanni Lindo Ferretti ma’ Kapitali ta’ Wayne Flask. Forsi wkoll, liema mużika hija l-aktar ideali bħala sfond għal waqt il-qari? Kemm huwa ideali Mahler ma’ ngħidu aħna Il-Wiċċ l-Ieħor ta’ Ġorġ Peresso? Jekk minflok se taqra Varjetà ta’ Toni Sant, jibqa’ jagħmel sens?

F’dis-sezzjoni l-pubbliku se jkun jista’ josserva kif ċerti rumanzi, kotba ta’ poeżija u ta’ letteratura mhux fittizja minn Malta jinkorporaw il-mużika fit-test, tant li hemm drabi fejn jistgħu jiġu aċċessati playlists sħaħ minn ktieb wieħed.

Ir-rabta bejn il-mużika u l-letteratura se tiġi diskussa wkoll permezz tad-diskussjoni “Frammenti Mużikali” li se tittella’ nhar il-Ħamis, 23 ta’ Marzu f’nofsinhar. Din se titmexxa mid-DJ ta’ Campus FM, Colin Fitz, il-mużiċisti Noah Fabri, u l-awtur tar-rumanz Tyrone Grima. Aktar tard dakinhar, l-Għaqda tal-Malti se ttella’ l-avveniment “Poeżija Slam”, li fiha l-pubbliku se jkun mistieden mhux biss biex jattendi imma anki biex jipparteċipa billi jgħaqqad il-poeżija tiegħu mal-arti performattiva, u għalhekk għal darb’oħra tiċċajpar il-linja bejn il-letteratura u l-mużika, u r-ritmu se jingħata l-akbar importanza. L-għada l-Ġimgħa, fl-4pm, permezz tal-Palk Ħieles organizzat bejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u Inizjamed, il-pubbliku se jerġa’ jkun mistieden biex mhux biss ikun spettatur imma biex jippreżenta xogħlijiet tiegħu, u għal darb’oħra jistgħu jlaqqgħu l-letteratura mal-mużika.

Il-programm jista’ jiġi aċċessat minn hawnhekk.

Id-dħul għal Kampus Kotba – Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus huwa bxejn, u l-ħinijiet tal-ftuħ huma l-Erbgħa u l-Ħamis mid-9am sal-4pm, u l-Ġimgħa mid-9am sas-7pm. Segwi l-paġna FB tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus u l-paġna tal-avvenimenti Kampus Kotba għal aktar dettalji.


Share Article