Home / News / Niċċelebraw l-Eċċellenza Letterarja: Il-Finalisti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Terramaxka 2024
Niċċelebraw l-Eċċellenza Letterarja: Il-Finalisti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Terramaxka 2024


Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qed iħabbar il-lista tal-finalisti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Terramaxka 2024, għal kotba ppubblikati fl-2023. Din hija s-47 edizzjoni ta’ dan il-Premju, l-ogħla premju letterarju mogħti lil awturi, edituri, tradutturi, pubblikaturi u illustraturi ta’ kotba ppubblikati f’Malta.
Ir-rebbieħa ta’ din l-edizzjoni jitħabbru f’ċerimonja speċjali nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Settembru, u wara jkunu promossi mill-KNK sakemm jasal il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, bejn is-6 u l-10 ta’ Novembru fl-MFCC.
Id-49 ktieb li kisbu post fil-lista finali tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2024 intgħażlu b’mod unanimu minn bord ta’ aġġudikaturi indipendenti skont damma ta’ kriterji stabbiliti. Minn dawn, 49 huma mifruxa fost tmien kategoriji tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, u 22 huma mifruxa fost sitt kategoriji tal-Premju Terramaxka. Fost l-oħrajn, insibu 10 pubblikaturi u 27 awtur u traduttur differenti li kkontribwixxew f’dawn il-kotba. Disa’ illustraturi sebbħu l-kotba finalisti fil-Premju Terramaxka għat-Tfal u ż-Żgħażagħ. Ir-regolamenti ta’ din l-edizzjoni talbu lill-aġġudikanti jagħżlu sa massimu ta’ 5 kotba minn kull kategorija.
Il-kategoriji tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Terramaxka għat-Tfal u ż-Żgħażagħ dis-sena kienu r-Rumanzi, in-Novelli, il-Poeżija, id-Drama, il-Letteratura mhux Fittizja, it-Traduzzjonijiet, ir-Riċerka Ġenerali u r-Riċerka Storjografika. Fit-Terramaxka kien hemm il-Kotba tal-Istampi għat-Tfal (etajiet 0-7), Kotba għat-Tfal (etajiet 8-12-il sena), Kotba għaż-Żgħażagħ, kif ukoll l-istess kategoriji għat-traduzzjonijiet, jiġifieri Kotba tal-Istampi għat-Tfal maqlubin għall-Malti (etajiet 0-7), Kotba għat-Tfal maqlubin għall-Malti (etajiet 8-12-il sena) u Kotba għaż-Żgħażagħ maqlubin għall-Malti.
Il-proċess tal-aġġudikazzjoni beda fi Frar bil-pubblikazzjoni tal-lista t-twila, u sat-tieni ta’ April kienu daħlu 173 ktieb eliġibbli biex jikkonkorru għal din l-edizzjoni.
Il-bord tal-aġġudikazzjoni dis-sena ddeċieda li ma jagħtix lista ta’ finalisti fil-kategorija tar-rumanzi. Din l-għażla saret bil-ħsieb li l-integrità tal-Premju tibqa’ b’saħħitha, u anki sabiex jibqa’ jkun assigurat li l-ogħla merti letterarji jkunu ppremjati. L-aġġudikanti kkummentaw li minkejja li bosta mis-sottomissjonijiet f’dil-kategorija kienu mirfuda minn riċerka rigoruża, il-kwalità letterarja b’mod ġenerali ma laħqitx dak li hu mistenni minn rikonoxximent nazzjonali.
Wara deliberazzjoni li ħadet fit-tul, il-bord qabel li r-riga tal-eċċellenza letterarja għandha dejjem tibqa’ dik li tiggwidahom f’xogħolhom u dik li tistabbilixxi l-eċċellenza letterarja f’Malta. Fid-dawl tal-kummenti tagħhom, issuġġerew li l-KNK joħroġ b’inizjattivi sabiex iwieżen lill-awturi jirfinaw is-sengħa tagħhom, fosthom b’masterclasses li jaf jagħtu l-ispinta meħtieġa biex kittieb jagħmel dak il-pass minn letteratura popolari għal waħda b’merti letterarji u estetiċi.
Mill-banda l-oħra, l-aġġudikanti enfasizzaw il-kwalità għolja fil-kotba tar-riċerka, li kollettivament ittrattaw temi varji u laqqgħu pubblikatiri differenti. Il-kategorija tal-poeżija kienet ikkumbattuta tant li qajmet diskussjonijiet twal qalb l-aġġudikanti sabiex jaslu għall-finalisti minn fost poeti kollha stabbiliti. Il-kategorija tat-traduzzjonijiet esponiet xogħlijiet b’rilevanza kulturali sinjifikanti u sforzi impressjonanti fis-sengħa tat-traduzzjoni. Fil-kategoriji tat-Terramaxka spikkaw l-illustrazzjonijiet eċċellenti li wieżnu narrattivi miktuba bi ħsieb.
Eventwalment, kull ktieb li se jintgħażel bħala rebbieħ ikun irid iġib minn tal-inqas 90 marka li jassiguraw li ntlaħaq livell letterarju, kulturali u akkademiku għoli, fost l-oħrajn.
Il-premju monetarju għal kull rebbieħ huwa ta’ €4,000, bl-eċċezzjoni tal-kotba tradotti fil-kategoriji tat-Terramaxka, li jingħataw €2,000. Il-pubblikatur ta’ kull ktieb rebbieħ jingħata €1,000.
Il-kotba finalisti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Terramaxka 2024 issibuhom kollha fil-ħwienet tal-kotba u online, u se jkunu disponibbli wkoll mill-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, li dis-sena se jsir bejn l-Erbgħa 6 u l-Ħadd 10 ta’ Novembru l-MFCC.
Għal aktar dettalji dwar il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-inizjattivi tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, żur ktieb.org.mt jew is-sit Facebook tagħna.
Il-Finalisti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2024
Rumanzi
Ma ntgħażlux finalisti
Novelli
Poeżija
Letteratura Tradotta
Letteratura mhux Fittizja
Riċerka
Riċerka Storjografika
Finalisti tal-Premju Terramaxka għat-Tfal u ż-Żgħażagħ 2024
Kotba għat-Tfal (etajiet 0-7)
Kotba għat-Tfal (etajiet 8-12-il sena)
Letteratura għaż-Żgħażagħ
Kotba maqlubin għall-Malti (etajiet 0-7)
Kotba maqlubin għall-Malti (etajiet 8-12-il sena)
Letteratura għaż-Żgħażagħ maqluba għall-Malti